Saturday, April 27, 2024

L-ENFASI FUQ IL-KWALITÀ FIT-TURIŻMU

Aqra wkoll

Malta rreġistrat l-aqwa riżultati turistiċi fl-istorja mhux biss f’termini ta’ wasliet imma wkoll fl-iljieli mqattgħin f’pajjiżna u anke b’mod notevoli fin-nefqa turistika fl-ekonomija Maltija matul is-sena li għaddiet. Din hija turija ta’ kemm il-ħidma li għaddejja f’din l-industrija qiegħda tħalli l-frott. Hi turija wkoll ta’ kemm Malta rnexxielha tirkupra b’mod qawwi mill-effetti tal-pandemija.

Ma nistgħux għalhekk ma ninnutawx b’sodisfazzjon dawn ir-riżultati, anke meta wieħed jikkunsidra l-fatt li dawn inkisbu sena qabel previst. Naturalment, wara dawn ir-riżultati, hemm il-ħidma sfiqa ta’ diversi entitajiet li jagħmlu minn kollox biex jirreklamaw lil pajjiżna bl-aħjar mod barra minn xtutna. Fuq quddiem nett hemm l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, li qed tiffoka l-ħidma tagħha mhux biss biex ikunu attirati turisti mill-Ewropa imma anke lil hinn.

Quddiem dan kollu, jeħtieġ li l-kwalità fis-servizz tibqa’ tingħata prijorità. Dan qed narawh iseħħ anke permezz ta’ investimenti diversi li qed isarrfu f’esperjenza aħjar mhux biss għat-turisti li jiġu jżuruna, imma wkoll għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Iżda jekk irridu mmorru għall-pass li jmiss, nemmnu li l-enfasi għandha tkun fuq il-kwalità fis-servizz offrut. Il-Gvern qiegħed jaħdem f’din id-direzzjoni anke billi fiż-żmien qarib se jkun qiegħed jintroduċi l-iskill cards fit-turiżmu.

Illum il-ġurnata, is-settur tat-turiżmu qed ikompli jikber u jespandi. Qed ikollu jadatta għal realtajiet ġodda li ma konniex imdorrijin bihom qabel. It-turist qiegħed ifittex il-kwalità fis-servizz. Għalhekk irridu nkunu destinazzjoni ta’ kwalità li tagħti valur għall-flus, fejn nagħtu lit-turist dak li qed jistenna għall-flus li jħallas.

Fl-istess waqt, huwa importanti wkoll li jkompli jingħata taħriġ f’dan is-settur. Nifhmu li dan qiegħed isir permezz tal-ITS Training School u li dan isir mhux biss billi l-ħaddiema jmorru l-ITS, imma jekk ikun hemm bżonn it-taħriġ jingħata fuq il-postijiet tax-xogħol.

Nemmnu li l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta tas-suċċess u tassew tista’ tkun ukoll parti integrali minn dan is-suċċess li rridu niksbu mhux biss f’dan il-qasam imma anke bħala pajjiż.

Il-ħtieġa li nkomplu naġġornaw il-prodott turistiku tagħna għandha tibqa’ hemm, u dan sabiex is-settur ikun jista’ jilqa’ għall-isfidi preżenti u dawk futuri. Dan nemmnu li huwa essenzjali anke meta wieħed iżomm f’moħħu l-ambizzjonijiet li għandu l-Gvern, fosthom dak li joffri settur turistiku ta’ eċċellenza.

Dan il-kunċett jista’ jinbena fi struttura aktar soda permezz ta’ ħidma konġunta biex minbarra li nassiguraw li l-ħaddiema li jiġu biex jaħdmu Malta jkunu skont il-ħtieġa tal-industrija, b’titjib fir-regoli għat-temping agencies, innaqqsu wkoll l-inġustizzji fuq ħaddiema li kienu qegħdin jinġiebu Malta biex minnhom igawdu l-ftit. Persuni li kienu qegħdin isibu ruħhom b’ta’ fuqhom senduqhom u jirrealizzaw li l-kapaċitajiet tagħhom mhumiex biżżejjed biex jaħdmu f’pajjiżna. Ikkundannajna u nibqgħu nikkundannaw l-aġir ta’ min jabbuża minn persuni billi jisfruttahom għall-interess personali tiegħu u mhux biss jneżżahom mid-dinjità tagħhom, imma saħansitra jfarrkilhom l-aspirazzjonijiet li jkunu bnew fi vjaġġ lejn pajjiżna li għalih jkunu lesti jissugraw kulma jkollhom.

Sport