Tuesday, December 24, 2024

L-entitajiet pubbliċi jinħtieġu aktar għarfien tar-regoli Ewropej għall-istrateġija ekoloġika 

Jikteb Clint Azzopardi Flores

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa ltqajt ma’ artiklu li fih il-kliem ‘tad-daħk u redikolu’ fit-titlu.  Artiklu li kien qed jikkwota l-assoċċjazzjoni tar-ristoranti, dwar l-iskema tar-riċiklaġġ tal-fliexken, u l-ispazju bżonnjuż għall-ħażna meħtieġa mis-sidien tar-ristoranti biex jgħabbu mijiet ta ‘fliexken riċiklabbli. Veru, huwa tabilħaqq ftit imprekarju. Meta wieħed iqis l-ispazju limitat disponibbli għas-sidien tar-ristoranti, anki fid-dawl taż-żieda fil-prezzijiet tal-kiri matul l-aħħar snin nemmen li tista’ tinstab soluzzjoni aħjar biex ikunu jistgħu jagħmlu użu aħjar tal-ispazju limitat.

Madankollu, ejja mmorru lura għal qabel is-sħubija ta’ Malta fl-UE. Ir-ristoranti kollha kienu jżommu l-fliexken tal-ħġieġ li biegħu lill-klijenti. Anzi, kien fl-interess tagħhom li jżommuhom, peress li kienu jġorru rifużjoni żgħira. Dawn il-fliexken tal-ħġieġ imbagħad kienu jingħataw lura lill-fornituri, għar-riċiklaġġ, u għal rifużjoni.

Kellna waħda mill-aqwa sistemi, li llum, l-UE qed taspira li tikseb f’dik li qed isejħulha bħala sostenibbiltà. Malta kienet 30 sena qabel l-UE f’das-settur. Madankollu, hawnhekk, nistaqsi x’kien jiġri fil-passat bil-munzelli bħal dawn ta ‘fliexken tal-ħġieġ. Fejn kienu jinħażnu l-fliexken tal-ħġieġ fil-bini tar-ristorant?

Forsi, użajna sistemi fejn il-ġbir tal-fliexken tal-ħġieġ kien aktar frekwenti? Onestament, is-sistema attwali tar-riċiklaġġ hija meħtieġa, u ma nistgħux inwaqqfuha. Jekk ma nirriċiklawx il-fliexken tal-plastik, hija problema kbira, għaliex it-tunnellati li ma nirriċiklawx, iridu jkopru tariffa tar-riżorsi proprji lill-UE. Xi jfisser dan?

Ifisser li jekk Malta ma tirriċiklax biżżejjed plastik, id-differenza trid tmur għall-UE fil-forma ta’ ħlas għal kull tunnellata ta’ plastik mhux riċiklat. Hija forma ta’ taxxa ambjentali indiretta. Mhux bilfors huwa ħażin, għax trawwem u ssaħħaħ is-sostenibbiltà, u tipproteġi l-ambjent.

Madankollu, l-ebda politiku jew min qed ifassal il-politika mhu qed jispjega dawn l-affarijiet lill-pubbliku. Naħseb li l-pubbliku għandu d-dritt li jkun jaf, u l-introduzzjoni ta’ das-sistemi ġodda, għandhom jidħlu permezz ta’ sistema ta’ konsultazzjoni wiesgħa u mhux mgħaġġla.

Fl-2022, lejlet l-introduzzjoni tar-riċiklaġġ, tkellimt ma’ xi ħadd qrib iċ-ċentru tal-poter, biex forsi nintroduċi s-sistema tar-riċiklaġġ f’fażijiet milli f’daqqa. Ir-raġuni ma kinitx relatata mal-ispazji tal-ħażna, iżda biex irażżan l-inflazzjoni mistennija minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-inflazzjoni importata.

Il-kuntest kien wieħed delikat ħafna, li meta n-nies se jaraw żieda fuq il-kont se tkompli tgħolli l-aspettattiva tal-għoli tal-ħajja, li ddaħlek f’ċirku li l-operaturi jerggħu jgħollu. Ir-riżultat aħħari issa huwa storja. Għalhekk ekonomisti b’esperjenza u li jifhmu s-sistema għandhom ikunu madwar iċ-ċentru tal-poter biex jgħaddu pariri.

Madankollu, il-problema iżda hija li s-settur privat irid jifhem, issa aktar minn qatt qabel, li s-sistema tas-suq ħieles tiddeċiedi kemm għandna bżonn ristoranti fis-suq. Hija kwistjoni ta’ domanda u provvista (demand and supply), speċjalment f’suq tal-UE. Ma nistgħux nippermettu jew noħonqu l-kompetizzjoni. U nittama li ma mmorrux hemm.

Barra minn hekk, irridu nifhmu li l-kunċett tal-ESG se jkun qed iħaffef dan il-proċess. U dawn huma inizjattivi żagħar tal-UE relattivament għal dak li rridu nissaportu fis-snin li ġejjin, u se nispjega. L-UE bdiet vjaġġ biex tiddekarbonizza l-kontinent tagħha.

Barra minn hekk, l-UE qed ittaffi u tikkoreġi wkoll l-effetti ta’ ħsara tal-plastik, l-aluminju, u l-iskart eċċessiv li jikkawżaw impatti ħżiena fuq il-bijodiversità u l-ambjent. Barra minn hekk, l-UE qed tipprova wkoll tavvanza l-kunċett tal-ekonomija ċirkolari.

Ifisser li prodotti tal-konsumatur li jistgħu jiġu riċiklati, u introdotti lura fl-ekonomija ċirkolari, inaqqsu l-iskart, u huma tabilħaqq ta’ benefiċċju għall-ambjent.

Minkejja li Malta avvanzat matul is-snin, għad għandna problema biex nimplimentaw ir-regolamenti tal-UE f’setturi ewlenin. Dak li nara hija problema kulturali u nkorporata fis-sistema tagħna. Meta l-Partit Nazzjonalista qatta’ 25 sena fil-poter, ħela snin biex jintroduċu riformi u jallinjaw mal-politika u r-regolamenti tal-UE.

Kien approċċ politiku b’tattika. Madankollu, għad-detriment tal-kollettiv. Ir-riformi kienu meħtieġa biex jissieħbu fl-UE, b’ħafna problemi li ġew iffaċċjati wara l-2004. Madankollu, l-aċċelerazzjoni ta’ regolamenti ġodda ma kinitx bl-istess rata meta mqabbla mal-lum.

Ir-regolamenti u d-direttivi l-ġodda, li l-istati membri tal-UE huma meħtieġa jimplimentaw, qed jiġu aċċellerati għal livelli bla preċedent. Fi kwistjoni ta’ sena u nofs, kien hemm diversi ftehimiet dwar regolamenti u direttivi bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

Fit-tmien snin li qattajt  Brussell, qatt ma rajt aċċelerazzjoni bħal din. Normalment, kienu jieħdu snin ta’ negozjati fit-tul biex jintlaħaq qbil dwar regolament. Dan iwassalni sal-punt li jekk l-amministrazzjoni attwali mhix se timxi bl-istess ritmu jkunu qed jirriskjaw li naqgħu lura aktar malajr mqabbel mad-deċennji preċedenti.

Ejja nieħdu d-direttivi u r-regolamenti li ġejjin. Għalhekk għedt li r-riċiklaġġ tal-plastik mhu xejn meta mqabbel ma’ dak li qed nistennew. Pereżempju, id-Direttiva riveduta dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini, li daħlet fis-seħħ f’Mejju tal-2024, se titlob lill-gvern Malti biex iżid ir-rata ta’ rinnovazzjoni, speċjalment għal dawk il-binjiet li qed jagħmlu l-agħar prestazzjoni.

Barra minn hekk, is-sena li għaddiet, l-UE qablet dwar ir-reviżjoni tad-direttiva tal-UE dwar l-effiċjenza tal-enerġija, li tistabbilixxi miri ambizzjużi. L-UE qed torbot lill-istati membri tal-UE biex kollettivament inaqqsu madwar 12% tal-konsum tal-enerġija sal-2030.

Barra minn hekk, l-istati membri tal-UE huma meħtieġa jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiksbu miri ambizzjużi taħt id-Direttiva tal-Qafas dwar l-Iskart. Sas-sena d-dieħla, l-istati membri huma meħtieġa jippreparaw għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali, li għandu jiżdied għal limitu minimu ta’ 55% sa 65% mkejjel bil-piż bejn l-2025 u l-2035.

Dawn il-miri ambizzjużi jirrikjedu l-koordinazzjoni ta’ dawk kollha kkonċernati, mhux l-inqas il-bosta aġenziji u awtoritajiet li ġew stabbiliti matul is-snin. Għandu jkun hemm element ta’ koordinazzjoni stretta bejn il-partijiet differenti. Inkella, se jkun pjuttost diffiċli li nżommu l-kompetittività tagħna. Aħna ma naffordjaw l-ebda waqfien meta nimplimentaw direttivi u regolamenti tal-UE.

L-impatt fuq il-loġistika u l-operazzjonijiet, speċjalment għall-koordinazzjoni bejn entitajiet differenti huwa kruċjali għal tranżizzjoni xierqa, u biex ilaħħqu mal-aċċelerazzjoni li ma tintemm qatt tar-regolamenti u d-direttivi. L-UE se tibqaż’ mixja ‘l quddiem b’tali politika ambjentali, u industrijali.

Huwa f’idejna li nwettqu l-affarijiet. L-awtoritajiet għandhom jiżguraw li l-politika tkun qed tgħin sabiex ma joħolqux spejjeż u pressjonijiet addizzjonali fuq is-settur privat. Madankollu, is-settur privat ma jistax jistenna li l-gvern jipprovdi għal kollox.

Dak li neħtieġu huwa l-funzjonament tajjeb tal-operatizzazzjoni tas-sistema tagħna, mill-ġbir u s-separazzjoni tal-iskart, ir-riċiklaġġ tal-materjali, awtoritajiet xierqa u effiċjenti li jirrispondu malajr għar-regolamenti tal-UE, u nies kompetenti li jifhmu l-politika tal-UE f’kull livell ta’ tmexxija ta’ awtoritajiet jew aġenziji. Ukoll, dawk li qatt ma fehmu l-politika tal-UE m’għandhomx ikunu qed imexxu l-entitajiet pubbliċi tagħna għax joħolqu konfużjoni akbar.

Ekonomija

Sport