Thursday, December 19, 2024

L-ERA b’aktar minn €94,000 f’multi b’rabta ma’ rimi ta’ skart illegali

Il-bord jilqa’ talba waħda biss minn fost aktar minn 30 kontestazzjoni

Aqra wkoll

Sa mill-bidu tas-sena, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet 80 multa fuq każijiet ta’ illegalitajiet simili li jammontaw għal aktar minn €94,000. Minn ’il fuq minn 30 kontestazzjoni, kien hemm każ wieħed fejn it-talba ġiet milqugħa. Il-bqija tagħhom kienu kollha kkonfermati.

Fl-aħħar jiem il-bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ikkonferma €5,600 f’multi b’rabta ma’ erba’ każi ta’ illegalitajiet li ġew ikkontestati fl-aħħar ġimgħat.

Il-multi nħarġu minħabba ħruq ta’ skart fejn fl-ewwel każ l-awtorità ġiet infurmata b’daħna kbira sewda fil-kampanja u mal-wasla tal-uffiċjali fuq il-post kien hemm affarijiet fosthom dokumenti, fajls u kif ukoll ġugarelli tal-plastik li kienu qegħdin jinħarqu. Il-persuna responsabbli ġie identifikat u ntalab inaddaf iż-żona u nħarġitlu multa ta’ €1,200.

Fit-tieni każ inħarġet multa ta’ €1,400 lil persuna responsabbli minn ħruq ta’ skart goff fejn fost affarijiet oħra l-uffiċjali sabu molol ta’ sodda u sett tat-televiżjoni antik li jikklassifika bħala skart WEEE.

Il-Bord iddeċieda li jikkonferma wkoll multa oħra ta’ €1,200 li ngħatat lil persuna li ddepożita biss parti mill-iskart goff li marret biex tarmi f’wieħed miċ-ċentri għall-iskart goff. Din mhix xi ħaġa aċċettabbli skont ir-regolamenti ta’ din l-attività. Multa oħra ta’ €600 ngħatat lil operatur li nqabat iġorr l-iskart mingħajr permess validu. L-Awtorità talbet lill-operatur jirregola ruħu u japplika għall-permess, iżda naqas milli jagħmel dan fil-ħin stipulat.

L-Awtorità f’notifika maħruġa minnha b’rabta ma’ dawn il-multi fakkret li kull forma ta’ ħruq ta’ skart huwa illegali sakemm mhux awtorizzat mill-ERA b’kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel. Huwa biss materjal organiku li jista’ jinħaraq u dan huwa permessibbli biss f’ċertu żoni.

Ekonomija

Sport