Fl-ewwel diskors tiegħu bħala President tal-Istati Unit, Donald Trump qal li “l-era tad-deheb għal Amerika tibda issa.” Kompla jgħid li mil-lum ‘il quddiem pajjiżna se jkun qiegħed jiffruixxi u jerġa’ jiġi rispettat madwar id-dinja kollha. Enfasizza li kuljum taħt it-tmexxija tiegħu l-Amerika se tkun l-ewwel u qabel kollox.
Sostna li fl-ewwel sigħat tat-tmexxija tiegħu se jkun qiegħed iġib is-sovranità lura. “Is-sovranità tagħna se tiġi lura, is-sigurtà tagħna se terġa’ tkun sigura… Se nkunu qegħdin noħolqu nazzjon li jerġa’ jkun kburi bih innifsu u jkun liberu.”
Fl-ewwel diskors tiegħu, Donald Trump kompla jattakka l-amministrazzjoni tal-eks President Biden dwar kif mexxa l-amministrazzjoni tal-pajjiż u minħabba l-kriżi tal-immigrazzjoni.
Trump qal li l-amministrazzjoni ta’ Biden ħallew kriminali perikolużi jidħlu fil-pajjiż.
Filwaqt li rrefera għal attenta fuq ħajtu li seħħ waqt il-kampanja elettorali Donald Trump qal li “ġejt salvat minn Alla biex nerġa’ nagħmel l-Amerika mill-ġdid b’saħħitha.”
Imbgħad għadda biex jitkellem dwar l-ordnijiet eżekuttivi li ta ftit wara li ħa l-ġurament. Fuq quddiem nett, qal li se jkun qiegħed jieħu miżuri ħorox kontra l-immigrazzjoni illegali fejn anke se jibgħat truppi fil-fruntiera biex jikkontrollaw min jidħol u joħroġ fil-pajjiż.
Qal li fl-ewwel ħinijiet tiegħu lura fl-uffiċju se jkun qiegħed jiffirma dikjarazzjoni ta’ Emerġenza Nazzjonali fil-fruntiera mal-Messiku. “Kull persuna li se tipprova tidħol b’mod illegali se titwaqqaf kif ukoll se jibda l-proċess biex miljuni ta’ immigranti li jinsabu fil-pajjiż jitkeċċew.
Trump qal li “llum l-20 ta’ Jannar 2025 hija l-ġurnata li l-Istati Uniti reġgħet ħadet il-libertà”. Il-President Trump qal li ordna lill-membri tal-Eżekuttiv tiegħu biex b’mod immedjat jużaw il-poteri kollha li għandhom biex inaqqsu l-inflazzjoni u l-prezzijiet ma jibqgħux jogħlew. Sostna li ż-żejt u l-gass li tipproduċi l-Istati Uniti se jibda jinbiegħ madwar id-dinja kollha.
Intant, hekk kif ħa l-ġurament bħala President, is-sit uffiċjali tal-WhiteHouse jikteb “America is Back” b’ritratt kbir ta’ Trump.
Dawk kollha li daħlu fil-paġna tal-WhiteHouse setgħu jaraw messaġġ qasir mill-istess Trump fejn qal li se jkun qiegħed kuljum jaħdem u jiġġieled għal dak li hu sew fl-Istati Uniti.
Donald Trump fl-ewwel diskors tiegħu tkellem ukoll dwar il-ħsibijiet tal-Istati Uniti biex mill-ġdid terġa’ tkun fuq quddiem fit-tellieqa għal ispazju.
Sostna li l-astronawti se jkunu qegħdin imorru fuq Mars u jilħqu miri ġodda li qatt qabel l-Istati Uniti ma ħolmot li tilħaq.
Kif kien mistenni diversi siti tal-aħbarijiet fosthom CNN bdew mill-ewwel bi kritika għad-diskors li għamel Donald Trump. Hu allegaw li dak li kien qiegħed jgħid dwar l-infalzzjoni fost oħrajn hija gidba.