Monday, November 25, 2024

L-ERA tintervjeni f’Kemmuna biex twaqqaf illegalitajiet fiż-żona tal-kampeġġ

Aqra wkoll

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) neħħiet campers li nstabu li kienu qed jiksru regolamenti fiż-żona tal-kampeġġ tal-Ful f’Kemmuna.

Matul dawn l-aħħar ġimgħat, l-uffiċjali tal-ERA kienu qed isegwu b’mod attiv is-sitwazzjoni u proprju il-Ġimgħa li għaddiet tneħħiet l-aħħar struttura semi-permanenti u b’hekk assiguraw aċċess ġust għall-bqija tal-campers.

Campers fuq il-post ġew infurmati bir-regolamenti l-ġodda u mitluba jikkonformaw. Meta sar xogħol ta’ tisbiħ fil-post, twaqqfu numru ta’ strutturi semi-permanenti li ħolqu inkonvenjent lil campers oħra. Ġew osservati wkoll strutturi li twaqqfu għal perjodu estiż, u li b’hekk kienu qed jostakolaw campers oħra milli jużaw is-sit.

L-ERA spjegat dwar regoli li qegħdin hemm biex jindirizzaw diversi kwistjonijiet pertinenti li ġew innutati fil-post ta’ kampeġġ, inkluż id-daqs u t-tipi ta’ strutturi li jistgħu jintużaw u t-tul ta’ żmien li dawn jistgħu jitħallew fuq il-post.

Matul is-sena li għaddiet, l-ERA u Ambjent Malta wettqu xogħlijiet ta’ Riabilitazzjoni biex il-post ta’ kampeġġ u l-madwar jingħata ħajja ġdida. L-ERA u Ambjent Malta ħadmu flimkien biex ineħħu materjal mormi illegalment, installaw ċnut, ħawlu diversi siġar u wettqu livellar tal-art.

L-ERA fakkret li apparti ż-żona magħżula f’Tal-Ful, l-ebda attività ta’ kampeġġ ma tista’ ssir f’Kemmuna sakemm ma tkunx awtorizzata mill-Awtorità.

Sport