Regolamenti ġodda se jirregolaw l-ewwel park ġeoloġiku ta’ Malta li jinsab fil-Bajja tad-Dwejra f’Għawdex, kif ukoll l-ambjent naturali tal-madwar fiż-żona tal-Qawra tad-Dwejra.
Il-konsultazzjoni pubblika dwar dawn ir-regolamenti tnediet waqt mixja edukattiva fil-Bajja tad-Dwejra bil-parteċipazzjoni tal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, u l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Kevin Mercieca, rappreżentanti tal-Kunsill Lokali, Eco-Gozo, studenti u stakeholders oħra.
Iż-żona tad-Dwejra u l-Qawra f’Għawdex tinkludi numru ta’ karatteristiċi ġeoloġiċi u ġeomorfoloġiċi ta’ importanza kbira, fosthom l-irdumijiet kostali, il-blat tal-baħar, l-Inland Sea u l-widien. Ir-regolamenti l-ġodda jipproponu li din il-parti tal-punent ta’ Għawdex tiġi kklassifikata bħala Sit ta’ Importanza Ġeoloġika, billi jistabbilixxu miżuri biex tiġi kkonservata u protetta din iż-żona u l-karatteristiċi naturali tagħha.
Skont ir-regoli proposti, il-Kumitat ta’ Tmexxija tad-Dwejra se jassisti lill-ERA u lil Eco-Gozo fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontroll tat-tniġġis tad-dawl u r-regolamentazzjoni tal-permessi għal attivitajiet rikreattivi fiż-żona protetta.
Dawn ir-regolamenti jinkludu wkoll restrizzjonijiet fuq attivitajiet li jistgħu, jew potenzjalment jistgħu, jaffettwaw il-bijodiversità, il-karatteristiċi ġeoloġiċi u l-pajsaġġ tad-Dwejra u l-irdumijiet tal-punent ta’ Għawdex. Dawn ir-restrizzjonijiet jinkludu l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe rimi ta’ skart, il-protezzjoni tal-ispeċi, il-ġbir ta’ fossili, l-off-roading, kif ukoll ir-regolamentazzjoni tal-ikkampjar u t-tqabbid tan-nar f’żoni aktar sensittivi. Restrizzjonijiet fuq it-tniġġis tad-dawl u tal-istorbju fiż-żona tad-Dwejra diġà jeżistu għall-baħħara, iżda dawn issa se jiġu estiżi lejn iż-żona interna sabiex jiġi pprojbit dawl dirett fuq l-irdumijiet, mużika qawwija, jew kwalunkwe storbju bla bżonn fil-parti terrestri tas-sit protett. Dgħajjes li jkunu fil-qrib se jkunu wkoll obbligati li jitfu d-dwal esterni tagħhom bejn inżul ix-xemx u tlugħ ix-xemx, ħlief għad-dwal li huwa meħtieġa għas-sigurtà abbord, għan-navigazzjoni sigura jew għas-sajd. Filwaqt li n-nar tal-ikkampjar huwa permess fiż-żona protetta, dan se jkun ipprojbit f’żoni ta’ riskju għoli fis-sit Natura 2000 fiż-żona tal-Qawra, fejn ħabitats ewlenin diġà sofrew ħsarat konsiderevoli minħabba nirien fl-aħħar snin.
Il-konsultazzjoni pubblika se tilqa’ sottomissjonijiet mingħand stakeholders u partijiet interessati oħra dwar l-abbozz tar-Regolamenti dwar il-Protezzjoni u l-Immaniġġjar tad-Dwejra, qabel ma dawn jiġu ppubblikati uffiċjalment bħala Avviż Legali taħt l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li t-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika timmarka pass importanti fis-salvagwardja ta’ wieħed mill-aktar siti naturali ta’ Malta. “Id-Dwejra hija post ta’ valur ġeoloġiku, ekoloġiku u kulturali eċċezzjonali, mhux biss għal Għawdex iżda għall-pajjiż kollu. Dawn ir-regolamenti huma dwar il-konservazzjoni u t-tgawdija responsabbli, u jiżguraw li dan il-pajsaġġ uniku jkun protett għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-parteċipazzjoni pubblika hija essenzjali biex dawn il-miżuri jkunu effettivi u inklużivi,” qalet il-Ministru Dalli.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li d-Dwejra hija waħda mill-aktar postijiet naturali importanti ta’ Għawdex, u li dawn ir-regolamenti huma essenzjali biex jissalvagwardjaw il-valur ġeoloġiku u ambjentali uniku tagħha. Huwa enfasizza l-ħtieġa għal approċċ bilanċjat li jipproteġi dan is-sit filwaqt li jippermetti tgawdija responsabbli. “Għalhekk nilqa’ b’mod pożittiv il-konsultazzjoni pubblika bħala pass ewlieni lejn it-trasparenza u l-immaniġġjar sostenibbli għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-ERA, Kevin Mercieca, qal li l-konsultazzjoni pubblika se tkun essenzjali sabiex l-ERA tanalizza s-sottomissjonijiet li jaslu u fejn meħtieġ, temenda r-regolamenti proposti. “Nilqgħu b’sodisfazzjon l-interess tal-pubbliku fil-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-ERA. L-istakeholders, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-membri tal-pubbliku għandhom rwol importanti biex ir-regolamenti ambjentali tagħna jissaħħu u jiġu rfinati, filwaqt li nqisu wkoll ir-realtajiet soċjoekonomiċi,” qal Mercieca.
L-ERA tħeġġeġ lil dawk li jixtiequ jipparteċipaw f’din il-konsultazzjoni pubblika billi jżuru https://era.org.mt/dwejra-protection-and-management-regulations-2026/ għal aktar informazzjoni. Il-konsultazzjoni pubblika hija miftuħa sat-3 ta’ Marzu 2026.

