Tuesday, April 30, 2024

L-ERA toħroġ 58 multa u 304 twissijiet fuq rimi ta’ skart

L-inħawi kkonċernati huma Wied il-Għajn, iż-Żejtun, Ħal Għaxaq u Marsaxlokk

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Is-separazzjoni u l-ġbir tal-iskart li nipproduċu huma parti minn ħidma għall-ħarsien tal-ambjent. Ħidma li f’dawn l-aħħar snin ġejna edukati u ppreparati għaliha biex wara l-perjodu li fih nadattaw ruħna għall-bidla fil-mentalità li “oħorġu mill-bieb ‘il barra imbagħad naraw” u nsiru aktar responsabbli, organizzati u sostenibbli.

Fil-fatt illum il-ġurnata għandna fis-seħħ regolamenti marbuta mar-rimi tal-iskart u dawn ir-regolamenti, bħal kull regolament ieħor, għandhom jiġu rrispettati. Fir-rigward, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, ħabret li fil-lokalitajiet ta’ Wied il-Għajn, iż-Żejtun, Ħal Għaxaq u Marsaxlokk dawn ir-regolamenti kellhom jiġu infurzati permezz ta’ penali.

Hija qalet li, “mill-bidu tas-sena sal-31 ta’ Mejju 2023, inħarġu total ta’ 58 multa mill-ERA fuq skart, 50 minnhom relatati ma’ ksur tal-liġi li tistipola l-iskeda u l-ħin ta’ kollezzjoni kif stipulati mir-Regolamenti dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta’ Skart fit-Toroq u f’Postijiet jew Żoni Pubbliċi (LS549.40)”.

Mill-informazzjoni jirriżulta li fl-istess perjodu, minbarra l-multi effettivi, inħarġu wkoll 304 twissijiet lil persuni li kisru dan ir-regolament. Il-penali kienu jvarjaw bejn €150 u €6,000. Fil-lokalitajiet imsemmija, fl-istess perjodu, inħargu 10 twissijiet u multa ta’ €450.

Il-Ministru Dalli speċifikat li l-multi msemmija jinkludu azzjonijiet li nħarġu għal offiżi tar-Regolament tal-Iskart (LS549.63) jew Regolamenti dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta’ Skart fit-Toroq u f’Postijiet jew Żoni Pubbliċi (LS549.40).

Hija kienet qiegħda tirrispondi għal mistoqsija parlamentari li saritilha mid-Deputat tal-PN, Ray Abela.

Fuq l-istess suġġett, l-istess lokalitajiet u mistoqsija oħra mill-istess interpellant, il-Ministru Byron Camilleri qal li mill-bidu ta’ din is-sena, il-LESA ħarġet total ta’ 229 kontravenzjonijiet marbuta ma’ skart li jinkludi rimi ta’ skart mhux skont l-iskeda u/jew il-ħin, rimi ta’ skart b’mod abbużiv madwar il-Bring in Sites u rimi ta’ skart b’mod abbużiv b’mod ġenerali ieħor.

Huwa qal li kontravenzjonijiet marbuta ma’ skart iġorru l-piena ta’ €150 li tiżdied għal €450 f’każ ta’ ripetizzjoni.

1 kumment

  1. Jista l kunsill ta Hal Balzan jghid ghaliex fi triq Lannunzjata dal ghodu bilkemm seta jaghddi it traffiku ghax kien hemm zewg trakkijiet ta laliminju jhottu u jabbu.Ghaliex hadd ma ghadu jaqla warden.X qed jaghmel is sindku.

Comments are closed.

Sport