Monday, November 4, 2024

L-erbat itfal li għexu 40 jum waħedhom fil-ġungla tal-Amażonja lura mal-familjari tagħhom

Aqra wkoll

Erbat itfal li rnexxielhom jibqgħu ħajjin wara li qattgħu diversi ġimgħat waħedhom fil-ġungla tal-Amażonja fil-Kolombja reġgħu ngħaqdu mal-qraba tagħhom.

L-aħwa, li għandhom 13, disa’ snin, ħames snin u tarbija ta’ sena rispettivament, intqal li huma “dgħajfin ħafna” iżda “ferħanin li jinsabu mal-familja tagħhom”.

Uffiċjali qalu li dawn il-persuni qegħdin jitkellmu ftit u tnejn minnhom bdew ukoll jilagħbu. L-erba’ itfal instabu nhar il-Ġimgħa wara aktar minn xahar ta’ tfittxija mill-militar u n-nies lokali.

Huma għebu wara li l-ajruplan li kienu fih iġġarraf fl-1 ta’ Mejju. F’dan l-inċident mietu ommhom u żewġ bdoti oħra. Il-ħaddiema tas-salvataġġ segwewhom wara li lemħu sinjali fil-ġungla, inklużi marki tas-saqajn u frott li ttiekel.

Tnejn mit-tfal, it-tarbija ta’ sena u t-tifel ta’ ħames snin, qattgħu għeluq sninhom fil-ġungla, filwaqt li l-akbar minn fost l-aħwa, Lesly, ta’ 13-il sena, għenithom matul din l-esperjenza xejn sabiħa. 

Huma rnexxielhom jibqgħu ħajjin billi kielu dqiq li sabu fil-fdalijiet tal-ajruplan u żerriegħa. 

Il-Ministru tad-Difiża tal-Kolombja Ivan Velasquez, li s-Sibt li għadda mar iżurhom fl-isptar mal-President Gustavo Petro, faħħar lil Lesly tal-azzjoni li ħadet biex jieħu ħsieb il-ħutu.

“Huwa bis-saħħa tagħha, tal-valuri u tat-tmexxija tagħha, li t-tlieta l-oħra setgħu jibqgħu ħajjin u għall-kura tagħha u l-għarfien tagħha tal-ġungla,” qal is-Sur Velasquez.

Sport