Saturday, October 26, 2024

L-Erbgħa se jibda jinstema’ l-ġuri ta’ Sepp Blatter u Michel Platini

Aqra wkoll

L-eks President tal-FIFA Sepp Blatter u l-eks President tal-UEFA Michel Platini, nhar l-Erbgħa għandhom jidhru fil-qorti Svizzera  hekk kif qed jiffaċċjaw akkużi ta’ korruzzjoni li wasslu għall-waqgħa tagħhom mill-ogħla karigi tal-football mondjali.

Il-prosekuturi Svizzeri qed jakkużaw lill-”koppja”, li fl-2011 irranġaw illegalment ħlas ta’ żewġ miljun frank Svizzeru (€1.95 miljun) lil Platini mill-FIFA.

Il-każ fisser li Blatter temm ir-renju tiegħu ta’ 17-il sena bħala President tal-FIFA b’element ta’ mistħija u pperikola t-tamiet tal-eks midfielder ta’ Franza, Platini, li jkun is-suċċessur tiegħu.

Din hija waħda minn 25 investigazzjoni mill-Uffiċċju Svizzeru tal-Avukat Ġenerali (OAG) dwar korruzzjoni fil-football.

Wara investigazzjoni ta’ sitt snin, l-OAG akkuża lil Blatter ta’ 86 sena bi “frodi, alternattivament ta’ miżapproprjazzjoni, alternattiva ulterjuri ta’ ġestjoni ħażina kriminali kif ukoll ta’ falsifikazzjoni ta’ dokument”.

Platini, ta’ 66 sena, jinsab akkużat bi frodi, miżapproprjazzjoni, li pparteċipa f’ġestjoni ħażina kriminali bħala kompliċi, u falsifikazzjoni ta’ dokument.

Blatter u Platini, li darba kienu kollegi u ħbieb u issa huma għedewwa ta’ xulxin, it-tnejn ċaħdu l-għemil ħażin tagħhom. Jgħidu li kellhom ftehim verbali dwar il-ħlas, li kien relatat ma’ xogħol ta’ konsulenza minn Platini bejn l-1998 u l-2002.

Tliet imħallfin fil-Qorti Kriminali Federali f’Bellinzona, se jisimgħu l-każ fil-proċess li jibqa’ għaddej sat-22 ta’ Ġunju. Il-verdett għandu jingħata fit-8 ta’ Lulju. Jekk jinstabu ħatja, Platini u Blatter jeħlu sa ħames snin ħabs.

“Dan il-każ imur lura għal avveniment fl-2011. Hija kwistjoni amministrattiva, ħlas ta’ salarju li kien dovut,” qal Blatter. “Il-kwistjoni ġiet dikjarata b’mod korrett bħala ħlas tas-salarju, b’kontabbiltá kif jixraq u approvata mill-korpi rilevanti kollha tal-FIFA.”

Platini qal: “Nersaq lejn dan is-smigħ b’serenità u kunfidenza. Jiena konvint li se ssir ġustizzja sħiħa u definittiva miegħi wara tant snin ta’ akkużi  u malafama. Fil-qorti se nġib il-provi kollha li aġixxijt bl-akbar onestà, li l-ħlas tas-salarju li kien fadal kien dovut lili mill-FIFA u huwa perfettament legali.”

Sport