L-eredi ta’ Martin Viacava, li kien ħaddiem mal-kumpanija Trelleborg, permezz tal-assistenza legali li offriet il-General Workers’ Union (GWU), rebħu l-każ kontra l-kumpanija u l-Qorti tal-Appell ordnat li jingħataw il-kumpens ta’ €119,509 għad-danni kkawżati fuq saħħtu.
Każ li jmur lura s-snin fejn Martin Viacava, li kien ibati mill-kundizzjoni extrinsic allergic alveolitis, beda jsofri minn problemi fil-pulmun b’konsegwenza ta’ kimiċi li kien espost għalihom waqt ix-xogħol tiegħu bħala press operator mal-kumpanija Trelleborg. Danni li bl-ebda mod ma setgħu jiġu kkurati, b’telf ta’ introjtu, diżabilità permanenti sa ma wasslu għall-mewt tiegħu.
Huwa kien impjegat mal-kumpanija mis-sena 1996 bi ftit żmien qasir meta ħadem f’postijiet oħrajn, imbagħad mingħajr interruzzjoni mis-sena 2010 ‘il quddiem sal-2019. Il-Qorti kkunsidrat kif il-kumpanija Trelleborg naqset milli twettaq it-testijiet u impact risk assessments neċessarji u kif ukoll naqset milli tipprovdi lill-impjegat b’tagħmir protettiv bażiku bħal maskli. Dan wassal sabiex l-impjegat ma kienx qed jiġi provdut post tax-xogħol li huwa sigur għas-saħħa tiegħu.
Il-kumpanija kienet qed tiċħad, madankollu, li d-danni fiżiċi ta’ Viacava ġew b’konsegwenza ta’ kimiċi li kien espost għalihom fuq il-post tax-xogħol u għalhekk ma riedet tħallas l-ebda kumpens lil dan il-ħaddiem hekk kif ma kinitx qed tħossha responsabbli, infatti qalet li hi dejjem imxiet skont dak mitlub minnha bil-Liġi.
Il-Qorti sabet li kawża ta’ traskuraġni, tort, negliġenza, u nuqqas ta’ osservanza tar-regolamenti applikabbli mill-kumpanija (fosthom dawk relatati mas-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati), il-kumpanija Trelleborg kienet responsabbli għad-danni li sofra Martin Viacava.
Il-GWU tinsab sodisfatta li saret ġustizzja ma’ dan il-ħaddiem membru tagħha, permezz tat-tim legali tagħha li f’dan il-każ kien immexxi mill-Avukat Christopher Vella, fejn il-Qorti sabet favur Viacava u ordnat li l-eredi tiegħu, hekk kif hu ħalla din id-dinja matul il-proċeduri legali, jingħataw kumpens ta’ €119,509.
Il-GWU tħossha sodisfatta li fl-aħħar ingħatat sentenza li ġabet ġustizzja. Dan ikompli jikkonferma kemm hu importanti li l-ħaddiema jkollhom l-appoġġ ta’ unjin b’saħħitha u tim legali kompetenti li jwasslu biex issir ġustizzja anke meta t-triq tidher li tkun impossibbli. Għaldaqstant il-GWU tħeġġeġ ukoll biex kull min iħoss ċerti nuqqasijiet fuq il-post tax-xogħol tiegħu jersaq immedjatament u ma joqgħodx lura milli jwassal il-messaġġ tiegħu.

