Saturday, December 21, 2024

L-eskalazzjoni tal-kunflitt bejn Iżrael u Ħamas fir-reġjun qed iżżid l-imwiet u n-nies spostjati minn arthom

- Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg jappella għall-waqfien immedjat mill-ġlied fil-Libanu u f’Gaża

Aqra wkoll

“L-eskalazzjoni tal-kunflitt bejn Iżrael u Ħamas fil-kumplament tar-reġjun m’għadhiex biss theddida, iżda issa saret realtà. L-iżviluppi allarmanti tul il-Linja Blu u ġol-Libanu qed iżidu l-imwiet ta’ ħafna nies u l-iżgumbrament tal-massa fuq iż-żewġ naħat. Il-waqfien mill-ġlied issa huwa aktar kruċjali minn qatt qabel.”

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg enfasizza l-eskalazzjoni allarmanti tal-vjolenza fil-Lvant Nofsani waqt li kien qed jindirizza djalogu tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda (NU) mal-Lega tal-Istati Għarab, matul il-Ġimgħa ta’ Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, fi New York.

Il-Ministru Borg ħeġġeġ lill-membri l-oħra tal-Kunsill tas-Sigurtà, lil-Lega tal-Istati Għarab u lil imsieħba reġjonali oħra sabiex ikomplu jippromovu d-djalogu u d-de-eskalazzjoni. Huwa laqa’ l-isforzi li qed isiru sabiex ikun hemm waqfien mill-ġlied f’Gaża u fil-Libanu.

“Is-sitwazzjoni tal-biża’ tal-poplu f’Gaża u fit-territorji Palestinjani ma tistax tkun injorata aktar. Is-sitwazzjoni umanitarja hija katastrofika, u n-nisa u t-tfal qed ibatu b’mod sproporzjonat. Il-ħaddiema umanitarji qed jaħdmu f’kundizzjonijiet ħżiena, u ħafna ħallsu prezz qares ta’ dan,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Malta tibqa’ soda fl-appell tagħha għal realizzazzjoni kredibbli u irreversibbli tas-Soluzzjoni taż-Żewġ Stati, bħala għan ewlieni tal-isforzi kollha li għaddejjin f’dan ir-rigward. “Huwa biss permezz ta’ din it-triq li jista’ jintlaħaq il-paċi għall-Iżraeljani, il-Palestinjani, u l-kumplament tar-reġjun” żied jgħid Borg.

Matul l-aħħar jiem tal-UNGA 79, id-Deputat Prim Ministru kien fost l-ospiti ta’ Laqgħa tal-Mexxejja tal-Koalizzjoni għall-Indirizzar tal-Għoli fil-Livell tal-Baħar u t-Theddida Eżistenzjali tiegħu (C-SET) u pparteċipa fil-Laqgħa Annwali tan-Netwerk Ministerjali Informali dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali. Huwa kellu wkoll laqgħat mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda Antonio Guterres u mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin Sheikh Abdullah bin Zayed Al Nahyan mill-Emirati Għarab Magħquda, Hakan Fidan tat-Turkija, u Rashid Meredov tat-Turkmenistan.

Il-Ġimgħa ta’ Livell Għoli tal-UNGA 79 rat id-diplomatiċi Maltin jieħdu sehem f’aktar minn 90 avveniment u laqgħat ta’ livell għoli u 27 laqgħa bilaterali ma’ pajjiżi differenti, mifruxa fuq erba’ kontinenti, kif ukoll laqgħat ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

Ekonomija

Sport