Monday, May 13, 2024

L-esperjenza fil-Greċja u fit-Turkija tkompli ssaħħaħ il-ħiliet tal-uffiċjali Maltin

Tissokta l-ħidma tal-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fil-Greċja

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem issoktat il-ħidma tal-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fil-Greċja, hekk kif kulma jmur qed jiżdiedu n-nirien ikkawżati mis-sħana qawwija li qed taħkem diversi pajjiżi fl-Ewropa. Fil-bażi tal-Protezzjoni Ċivili tal-Greċja f’Ancient Olympia, il-kontinġent Malti kellu żjara mill-Ambaxxatur Malti għall-Greċja, Joseph Cuschieri, li spjega li l-ħaddiema Maltin tassew qed jagħmlu isem tajjeb għal Malta. Qal li l-għajnuna mill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili f’dan il-pajjiż hi importanti ferm f’dawn iż-żminijiet diffiċli għall-poplu Grieg.

“Sellimt lil dan il-grupp tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta li ġew il-Greċja bħala parti mill-programm u l-mekkaniżmu Ewropew, biex jgħinu lill-Griegi f’każ li jkun hemm ħtieġa ta’ għajnuna minħabba n-nirien fil-foresti. Din hi prova tar-relazzjonijiet eċċellenti li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi. Dan il-ġest tal-Gvern Malti, permezz tal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, huwa apprezzat ħafna mill-awtoritajiet Griegi kif ukoll mill-poplu inġenerali. Bħalma ġara f’pajjiżi oħra tal-Mediterran; il-Greċja qed tiffaċċja problemi oħra bħal qtugħ ta’ dawl u provvisti tal-ilma kif ukoll inċidenti kbar partikularment fil-gżira ta’ Rodi”, qal l-Ambaxxatur Cuschieri.

F’kummenti li ta mill-Greċja, Michel Galea, iċ-Chief Assistance Rescue Officer fi ħdan il-Protezzjoni Ċivili, spjega d-diffikultajiet li t-tim ta’ 20 uffiċjal Malti qed iħabbat wiċċu magħhom. Qal li huma qed ikunu ta’ spalla, flimkien ma’ kontinġenti minn pajjiżi oħra, għall-awtoritajiet Griegi.

“Aħna t-tim Malti tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li qed niffurmaw parti mill-Pre-Positioning Programme tal-Unjoni Ewropea, li hu l-programm li bagħat timijiet ta’ uffiċjali mill-Ewropa f’pajjiżi Ewropew oħra minħabba l-forest fires li qed jiffaċċjaw. Waħda mill-akbar sfidi għalina f’dan il-pajjiż hija t-topografija tar-reġjun li qegħdin fih, li hu Ancient Olympia. Minn dan ix-xogħol li qed nagħmlu hawnhekk qed nieħdu l-esperjenza sabiex inkunu nistgħu nużawha f’pajjiżna,” temm jgħid is-Sur Galea.

Min-naħa tagħha, Maria Stathopoulou, uffiċjal mill-Protezzjoni Ċivili tal-Greċja, kellha kliem ta’ tifħir u apprezzament għax-xogħol impekkabbli li qed jagħmlu l-uffiċjali Maltin fil-Greċja.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri reġa’ rringrazzja lill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li jinsabu fil-Greċja, kif ukoll dawk f’pajjiżna li qed jagħmlu xogħol impekkabbli f’dawn il-ġranet mill-aktar sħan tas-sajf. Huwa qal li l-gvern se jkompli jinvesti bis-sħiħ f’dan id-dipartiment biex apparti li jkopri l-esiġenzi ta’ pajjiżna, ikun jista’ jagħti sehmu f’operazzjonijiet oħra barra mill-pajjiż. Temm jgħid li esperjenza bħal din fil-Greċja u anke ftit tax-xhur ilu fit-Turkija qed ikomplu jsaħħu l-ħiliet tal-uffiċjali f’dan id-dipartiment.

Sport