Friday, June 27, 2025

‘L-esperjenza ġdida ma’ Melita FC qed inħares lejha bħala waħda pożittiva ħafna’ – Daniel Sciberras

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tal-futbol għalija kienet minn dejjem. Bdejt nilgħab il-futbol minn ta’ 10 snin fi Sliema nursery,  fejn ta’ 16-il sena mort ma’ Luxol fejn hemmhekk għamilt sa 18-il sena. Saħansitra ta’ 16-il sena kont diġá parti mill-iskwadra tal-kbar, peró ta’ 19-il sena kelli nieqaf mill-futbol minħabba raġuni ta’ xogħol peressli kont bix-shift kelli nieqaf għax beda jkolli nfalli sessjonijiet ta’ taħriġ u logħob. Peró, bħalma għidtlek il-futbol huwa parti minn ħajti u fl-2008 qbadt il-futbol bħala kowċ ma’ Sliema Wanderers FC. Minn hemmhekk ma waqaftx fil-korsijiet tiegħi kemm mal-MFA kif ukoll fl-Universitá ta’ Malta fejn bdejt b’diploma u mbagħad komplejt b’degree fuq l-isport.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala Head Coach tat-Timijiet Kompetittivi ta’ bejn l-U14 u l-U17 ta’ Melita FC?

L-esperjenza ġdida ma’ Melita FC qed inħares lejha bħala waħda pożittiva ħafna. Ħerqan ħafna li nkompli nibni fuq it-tajjeb li sar minn ta’ qabli u nippruvaw bl-aħjar mod naħdmu fuq in-nuqqasijiet li seta’ kien hemm fil-passat. Mhijiex esperjenza ġdida għalija f’din il-kariga fejn fl-istaġun 17/18 u 19/20 jien kont head coach ta’ Zabbar St Patrick FC.

Kemm se tkun qed taħdem mill-qrib mal-kowċ tat-tim tal-kbar ta’ Melita FC, Brian Said?

Jien u Brian Said naħdmu kontinwament mill-qrib għax jien ukoll il-coach tat-tim tal-U21 tal-Melita FC u għalhekk bilfors għax bħala Melita FC, il-filosofija tal-klabb tagħna hija kollha għal għan wieħed – dik li ntellgħu t-talent tagħna mal-iskwadra ewlenija. Dan huwa l-objettiv tagħna. Matul il-ġimgħa aħna bilfors irridu naħdmu ma’ xulxin għax ħafna mill-plejers tal-U21s ikunu parti mill-iskwadra ewlenija. Jien u Brian naħdmu tajjeb flimkien fejn anke nitkellmu kontinwament fuq l-akkwisti li rridu nagħmlu u nidentifikaw flimkien il-karatteristiċi tal-plejers li l-iskwadra għandha bżonn eċċ.

Huwa fatt magħruf li t-tim tal-kbar ta’ Melita FC qed jutilizza bosta plejers prodotti tan-nursery tagħkom. X’inhu s-sigriet ta’ dan is-suċċess?

Is-sigriet huwa wieħed semplici – dak li nipprovdu l-aqwa kowċis fl-akkademja tagħna huwa stat ta’ fatt li aħna għandna wħud mill-iżjed kowċis kwalifikati f’kull age group u dak hu s-signiet li jkollok kowċis kwalifikati f’kull kategorija. Anke l-istruttura kif qiegħda – Direttur Tekniku u tliet head coaches għall-foundation, grassroots u competitive. B’hekk int dejjem għandek proċess ta’ kontinwazzjoni. Minbarra hekk hemm affarijiet oħra – ir-ratio tal-plejers ma’ kowċ hija 12 is to 1, iż-żona li kulħadd ikollu l-ispazju adattat eċċ.

Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?

Rigward il-livell tal-grassroots f’pajjiżna, nemmen li hawn ħafna talent peró sfortunatament nipponta subgħaja lejna l-kowċis. Nemmen li qed immorru wisq għal affarijiet strutturati ħafna u kultant qed nirrestrinġu lill-plejer billi nkunu iżjed kreattivi. Kultant naħsbu li m’għadx hawn plejers li kapaċi jaqbżu l-plejer imma dan mhuwiex il-każ. Sfortunatament anke minn etá żgħira aħna l-kowċis li ngħidulhom biex iqassmu għax aħjar milli jieħdu l-1v1. Dan minbarra li ħafna taħriġ ikun skill based approach iktar milli teaching games for understanding.

U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-futbol evolva tul iż-żmien. Il-logħba saret veloċi ħafna u nazzarda ngħid li iżjed il-plejer illum tridu atleta milli jkun gifted player imma slow. Il-logħba hija bbażata fuq erba’ mumenti: when in possession, negative transition, positive transition u when not in possession. Il-plejer irid ikun tajjeb fihom l-erbgħa li huma inkella jbati. Eżempju ma jistax ikollok striker ma jiddefendiex, bħalma ma jistax ikollok goalkeeper ma jużax saqajh!

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jilagħbu l-logħob kompetittiv tagħhom?

Ir-riżorsi huma li huma għal kulħadd. Rigward spazji kultant irridu nagħmlu l-impossibli imma dik hi r-realtá. Aħna bħala Melita FC fortunatament bħala spazji u faċilitajiet għandna forsi ftit iktar minn uħud imma dik hi ħafna min0nuqqasijiet li għandhom ħafna mill-akkademji f’pajjiżna. Issa rigward riżorsi ta’ flus biex iġġib plejer mat-tim tal-kbar, il-klabb irid jisfrutta dan in-nuqqas f’opportunitá billi jaħdem fuq proċess biex jipproduċi u jtejjeb il-plejers tiegħu li hemm fl-akkademja.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-futur tiegħi narah fil-futbol dejjem ovvjament. Tul il-karriera tiegħi bħala kowċ ħdimt ma’ ħafna age groups fosthom goalkeepers, etajiet żgħar, minors, U15, U17 eċċ, kif ukoll għal sentejn kont assistant coach mat-tim tal-kbar mal-istess Melita FC. Sal-lum nixtieq inkompli fuq dan il-proġett li għandna għaddej bħalissa imma fil-futur ovvjament l-aspirazzjoni tiegħi hi li nkun kowċ mat-tim tal-kbar.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-football huwa proċess ‘long term’. Ovvjament il-plejer għandu jkun dejjem fiċ- ċentru tas-sitwazzjoni – l-importanti li l-proċess ikun wieħed gradwali u ma jinqabeż l-ebda taraġ. Min-naħa l-oħra, il-plejer irid jemmen fil-proċess, jagħmel is-sagrifiċċju meħtieġ, u jżomm saqajh mal-art u nemmen li b’dawn kollha f’psothom, il-plejer għandu jasal!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport