Friday, July 4, 2025

‘L-esperjenza ma’ Zejtun Corinthians FC għenitni nikber u nimmatura aktar, mhux biss bħala plejer imma wkoll bħala persuna’ – Fabien Lufi

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira ħafna – kelli biss ħames snin meta bdejt nilgħab. Minn dejjem ħassejt dik ix-xewqa li nkun fil-grawnd, inħoss il-ballun taħt saqajja, nitgħallem, u nkun parti minn tim. Maż-żmien, il-futbol ma baqax ikun biss sport għalija – sar stil ta’ ħajja, parti integrali minn ħajti.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek ma’ Zejtun Corinthians FC sa issa.

L-esperjenza ma’ Zejtun Corinthians FC għenitni nikber u nimmatura aktar, mhux biss bħala plejer imma wkoll bħala persuna. Tgħallimt nara aspetti differenti tal-logħba u ħadt perspettiva aktar wiesgħa ta’ dak li jfisser verament tim u kif tegħleb ċerti ostakli li jiġu quddiemek. Kien tim kompletament ġdid b’ħafna plejers żgħar, u għall-ewwel kienet sfida, iżda grazzi għall-ispirtu, l-għaqda tat-tim u l-impenn ta’ kulħadd, spiċċajna l-istaġun b’16-il logħba konsekuttiva bla telfa – suċċess li jgħid kollox dwar kemm kbirna flimkien.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

Kien staġun ta’ kuntrasti – b’mumenti diffiċli u oħrajn pożittivi ħafna. Il-fatt li bdejna b’sitwazzjoni fejn ħafna plejers kienu għadhom qed jidħlu fl-esperjenza tas-senior football, ma kien faċli xejn. Iżda x-xogħol iebes u l-għaqda li żammna bħala skwadra wassluna biex nispiċċaw b’rekord ta’ 16-il loghba bla telfa u nuru li fejn hemm determinazzjoni, kollox hu possibbli. Dan juri kemm huwa essenzjali li jkollok tim maqgħud u li qatt ma taqta’ qalbek.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-livell qiegħed jiżdied, speċjalment bil-kontribut tat-talent ġdid – kemm lokali kif ukoll barrani – li jgħin biex jittella’ l-livell tekniku u tattiku tal-logħba. Il-klabbs qed jaħdmu aktar b’mod professjonali, iżda l-isfidi jibqgħu: finanzjament, faċilitajiet, u kulturá sportiva li trid tiġi bbażata fuq appoġġ reali. Hemm bżonn aktar investiment strutturali u għajnuna mill-istituzzjonijiet biex verament naraw tibdil sostenibbli.

U tar-riżorsi – bħall-grawnds u faċilitajiet fejn tilagħbu?

Hemm limitazzjonijiet ċari. Meta tqabbel ma’ pajjiżi oħra, nindunaw kemm għadna lura fuq aspetti bħal grawnds tajbin, faċilitajiet għal fitness u anke servizzi bħall-physiotherapy. Dan għandu impatt fuq il-kwalità u s-saħħa tal-plejers. Nemmnu li b’ftit iktar pjanar u għajnuna, jista’ jsir ħafna aktar – mhux biss biex intejbu l-logħba iżda wkoll biex nieħdu ħsieb il-ġisem tagħna bħala atleti.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Nixtieq inkompli nibni u nħalli impatt pożittiv fil-klabb jew klabbs li nkun magħhom. Dejjem inħares lejn kif nista’ ntejjeb lili nnifsi – kemm bħala plejer kif ukoll bħala persuna. Il-mira tiegħi hi li nibqa’ nikber, nitgħallem u nagħti l-aqwa tiegħi dejjem.

X’messaġġ tgħaddi lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol?

L-aktar ħaġa importanti hi li qatt m’għandek taqta’ qalbek. Jekk temmen fik innifsek u tħobb dak li tagħmel, tibqax lura anke meta l-affarijiet ma jmorrux kif tixtieq. Ħadd ma jgħaddilek triq faċli – imma kull pass li tagħmel b’dedikazzjoni u b’umiltà, jgħinek tersaq eqreb lejn il-mira tiegħek. Aħdem għal dak li trid, u ftakar għaliex bdejt!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport