Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Bdiet minn ta’ etá żgħira, nassumi bħal kulħadd, imma vera rrealizzajt l-imħabba li għandi lejn il-futbol hi meta għaddejt minn affarijiet spiritwali u mentali u meta tħares lura tgħid imn’alla ġraw dawn l-affarijiet. U b’dawk l-esperjenzi ġabuni vera grat li ġraw bħal nies li ma jemmnux fik, u minn dik insib l-imħabba tiegħi lejn il-futbol u biex nibqa’ għaddej fil-ħajja tiegħi!
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mqabba FC, fejn int ukoll il-captain tal-istess tim.
L-esperjenza preżenti tiegħi ma’ Mqabba FC hija waħda maġika minħabba raguni li hemm sibt it-tieni familja tiegħi! Mhux faċli li jkollok tim / klabb fejn int kull meta tirfess fit-training pitch tinsa l-problemi tiegħek u tkun fil-paċi. Mqabba FC huwa klabb li ħaqqu jkun f’diviżjonijiet ogħla tal-futbol Malti għax huwa klabb verament verament magħqud. Kuntent ħafna għall-promożżjoni li ksibna matul l-istaġun li għadda wkoll, imma ma semmejthiex mal-ewwel għax kif jgħidu, mhijiex tellieqa imma maratona u l-ħidma tkompli għall-futur!
X’tikkummenta fuq l-eks kowc u issa Direttur tekniku ta’ Mqabba FC, Claudo Calleja?
Il-kowċ Claudio Calleja hu kowċ ħabrieki u ta’ ispirazzjoni kbira, kif ukoll ħabib għax barra mill-futbol sibtu hemm għalija wkoll, u għalija dik hi xi ħaġa importanti għax ir-relazzjonijiet ta’ barra jirriflettu fil-pitch. Kieku ma kellniex lilbħala kowċ, ma konniex inkunu magħqudin kif aħna! U jien nemmen b’dik biss, l-għaqda! Kienet hi li ġabitilna t-tir tal-promozzjoni!
U fuq il-president Terrance Briffa u t-team manager Louis Agius?
Għalija dawn iż-żewġ persuni huma l-pedament tas-suċċess u l-kuntentizza tal-klabb! U mingħajr padament ma jkollokx fejn tibni! Jien nemmen li mingħajr dawn it-tip ta’ nies f’din id-dinja, din tkun post ikrah fejn tgħix!
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara l-kisba tal-promozzjoni minn Mqabba FC min-National Amateur League 2 għan-National Amateur League 1?
Is-sigriet tas-suċċess tagħna mhu vera sigriet xejn għax kien sempliċiment l-għaqda li kif diġá semmejt iktar ‘il fuq mingħajr l-għaqda, ma jkollok xejn! Iil-ħaġa mhix rigward il-vjaġġ jew id-destinazzjoni – hija rigward il-kumpanija!
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
Fuq l-istaġun li ġej, nemmen li ħa jkun staġun impenjattiv ħafna u kompetittiv, u ħa jkun hemm ħafna għajnejn fuq Mqabba FC.Nemmen li bil-gwida tal-kowċis George Magri u Claudio Calleja, se nkunu qegħdin tajjeb u nkunu tim li ħadd ma jħares ‘l isfel lejna! Bl-akkwisti l-ġodda li għamel il-klabb, nemmen li saħħew iktar it-tim u għamlu t-tim iktar b’saħħtu.
Jien nemmen li fejn hemm l-għaqda hemm kollox, u dik tiġi mhux fil-pitch biss iżda anke barra minnu, U bil-ħin nemmen li jkollna l-istess għaqda bħalma kellna s-sena l-oħra li wasslitna biex finalment niksbu l-promozzjoni! B’hekk nemmen li ħa nkunu tim fuq quddiem!
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Balzan FC. Kemm tgħallimt minn din l-esperjenza?
L-esperjenza passata tiegħi ma’ Balzan FC, nista’ ngħid li kienet waħda ferm memorabbli. Hemmhekk, iltqajt ma’ nies, kowċis, plejers, kumitat, li kienu hemm għalija u meta nħares lura, inħossni grat li għaddejt minn esperjenzi sbieħ bħal dawn. Dan filwaqt li magħhom irbaħt il-kampjonat tal-Youths Sec A 2019/2020, ġejt magħżul ma’ Malta U19 fl-2020 kif ukoll għamilt id-debutt tiegħi mat-tim tal- kbar fl-FA Trophy 21/22 (Rawnd tal-aħħar 16) fl-2022, grazzi għall-kowċ, Paul Zammit. Tgħallimt ħafna, u ma kontx ċert f’ċerti affarijiet, imma nħares ‘il quddiem, xejn ma jagħmel sens, imma ma tħares lura u tgħaqqad kollox, kollox jibda finalment jagħmel sens!
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-livell tal-futbol Malti tjieb ħafna, biss peró, fil-preżent irridu ninvestu iktar fih, fejn minn etá żgħira jekk iżommuh bħala xogħol full-time u tkun ikkompensat sew, ma tiffukax fuq xogħol u studju, iżda tiffoka fuq futbol biss! U b’din ikollok viżjoni tiegħek ċara ta’ fejn sejjer (ħolma) u b’dik waħedha jogħla drastikament il-livell. Kemm nafu b’talenti u plejers li jieqfu mill-futbol, għax ikollhom għanijiet oħra f’xogħol u skola jew iżommuh biss bħala part-time, għax jgħidu li miniex ħa nitma familja b’dan biss!
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Bħala grawnds, hemm minnhom li huma tajbin bħaċ-Charles Abela Stadium fil-Mosta, u s-Sirens Stadium, għax inbidel it-turf sintetiku. Hemm minnhom li hemm bżonn bidla, bħal-Luxol Stadium. Jien nemmen li l-MFA għandhom jagħtu kas iktar dawn l-affarijiet.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Għalija, il-futbol hu sport li kieku ma kellix lilu ma nafx min kont inkun bħala persuna! Nissuġġerixxi bis-sħiħ li sport bħall-futbol jinbeda ta’ etá żgħira u jkun hemm sagrifiċċju kbir għall-ġenerazzjoni l-ġdida mill-ġenituri, għax kieku ma jkunx għalikom il-ġenituri, ma jkollna xejn! U nixtieq niddedika dan il-messaġġ lil ommi, għax kieku ma kinitx hi għalija, ma kontx inkun il-plejer tal-futbol li jien illum!