Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet ta’ etá żgħira. Nemmen li hija ħaġa tal-familja, kelli missieri jilgħab il-futbol u nemmen li l-passjoni li kellu hu għall-futbol għaddiha lili. Minn mindu kont żghir dejjem niftakarni niġri bil-ballun kull fejn kont immur.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Zurrieq FC?
L-esperjenza ta’ Zurrieq FC qiegħed inħares lejha b’entużjażmu kbir u b’rasi baxxuta. Huwa klabb li jixraqlu ħafna aħjar u speċjalment in-nies li qegħdin wara l-kwinti jgħinu sabiex il-klabb ikun f’pożizzjoni aħjar.
Mhux ħa jkun staġun faċli u żgur mhux forsi hemm ħafna oħra klabbs li qegħdin f’pożizzjoni aħjar, imma nemmen li bl-għaqda jkollna staġun pożittiv. Kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu … irridu nxammru l-kmiem u naħdmu flimkien!
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Tarxien Rainbows FC?
Kienet esperjenza pożittiva ħafna fejn ilħaqna t-tragward li kellna fil-bidu tal- istaġun. Kien staġun iebes peró nemmen li l-kollettiv tal-grupp wassalna għas- suċċess. Wara li għadda l-istagun, nista’ ngħid li s-sagrifiċċju ssarraf u Tarxien Rainbows FC qegħdin lura fejn jixirqilhom fil-Malta Premier.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Nemmen li bħala livell, il-futbol Malti għola … biss nemmen li għadna ħafna ‘l bogħod fejn jidħol professjonaliżmu f’oqsma oħrajn. Qiegħed nitkellem bħala riżorsi li jsostnu u jgħinu lill-plejers sabiex ikunu iktar lesti għal-logħba.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?
Nemmen li anke f’dal qasam għadna lura – bħala pitches jintlagħbu wisq logħob fuq l-istess art. Nemmen li għandu jkun hawn pitches apposta fejn jintlagħbu logħob biss, speċjalment għal diviżjonijiet li mhumiex Premier.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Nemmen li għandi iktar x’noffri fil-futbol Malti. Dejjem lest biex nitgħallem u nara kif nista’ ntejjeb il-livell tiegħi u nkun aħjar. Nipprova wkoll naspira u ngħin lit-tfal Maltin li jkunu qegħdin jitilgħu mal- ewwel tim.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.
Jien nemmen li trid tkun ġo fik biex tibda u ħadd ma jista’ jinponi l-ħolma tiegħu fuqek. Biss għal dawk li jixtiequ jibdew ngħidilhom li mill-isport tirbaħ tista’ mhux titlef. Apparti hekk nemmen li l-ħolm jista’ jsir realtá jekk jaħdmu, ikunu dixxiiplinati u ossessjonati fuq li jixtiequ jsiru. Lit-tfal ngħidilhom emmnu fikom infuskom u tħallu lil ħadd jgħidilkom li m’intomx tajbin biżżejjed. Jien xempju ta’ dan għaliex wasalt u ħadt esperjenzi barra minn xtutna għax dejjem emmint fija nnifsi, baxxejt rasi u ħdimt!