Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn mindu kont żghir il-futbol kien jogħġobni ħafna. Konna grupp ta’ tfal noħorġu nilagħbu fit-triq speċjalment fis-sajf u konna nagħmlu sa bil-lejl hemmhekk. Wara ngħaqadt man-nursery ta’ Kirkop United FC u bqajt nilgħab sat-tim tal-kbar. Il-kowċing minn dejjem kien jogħġobni u ta’ 16-il sena għamilt l-ewwel kors u bdejt nikkowċja l-etajiet iż-żgħar fl-istess Nursery.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza gdida tieghek bhala kowc ta’ Santa Lucia FC?
L-esperjenza tiegħi bħala l-kowċ ta’ Santa Luċia FC qed inħares lejlha b’entużjażmu kbir. In-nies fil-klabb laqgħuni tajjeb ħafna, Hemm proġett ambizzjuż u ninsab ottimista li nilħqu l-miri tagħna. Il-passjoni hija l-iktar ħaġa importanti fil-futbol u jien nemmen li bil-passjoni, determinazzjoni u rieda tista’ tasal fejn tixtieq.
Iddeskrivi l esperjenza passata tiegħek bħala kowċ ta’ Lija Athletic FC, fejn magħhom fost oħrajn kisbt żewġ promozzjonijiet għall-Malta Premier.
L-esperjenza ma’ Lija hija xi ħaġa li qatt ma nista’ ninsa. Kienu disa’ snin sbieħ immens fejn fihom għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb sirna Champions tal-Ewwel Diviżjoni u ftit snin wara erġajna rbaħna l-promozzjoni għall-Malta Premier. Dan il-klabb lili tani ċans li nibda nikkowċja fit-tieni l-aħjar diviżjoni tal-futbal Malti u ta’ dan jien nixtieq nirringrazzja lill kull min dejjem emmen fija u baqa’ miegħi sal-aħħar anke meta fl-aħħar staġun, l-affarijiet ma tantx ġew tajjeb. Ma’ Lija lħaqt tragward tal-aktar kowc li domt mal-klabb, jiġifieri 231 loghba konsekuttiva.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-livell tal-futbol Malti qid jogħla sena wara l-ohra. Timijiet tal-Malta Premier qed iġibu plejers barranin ta’ livell aktar għoli u bis-saħħa t’hekk id-diviżjonijiet kollha qed jgħollu l-livell għaliex plejers tajbin li mhux jagħmluha fil-Premier qed jgħollu l-livell taċ-Challenge league u tibqa’ sejjer hekk għad-diviżjonijiet l-oħra.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?
Il-grawnd fejn jintlagħab il-logħob taċ-Challange league hu wieħed tajjeb ħafna. Il-Victor Tedesco Stadium għandu art li nbidlet is-sena l-oħra u s-Centenary Stadium għadu kif sar issa. Ovvjament, bħala grawnds fejn nittrenjaw diġá bdew jinbidlu. Naħseb li ħafna mill-grawnds iridu jsiru mill-aktar fis possbli biex jiġu evitati injuries li riċentement saru ħafna regolari.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’suċċess fil-futbol.
Bħal fil-hajja biex tasal xi mkien trid tagħmel sagrifiċċju u taħdem għaliha. Xejn ma jiġi mix-xejn. Il-futbol jirrikjedi sagrifiċċju u ħin ‘il bogħod mill-familja. Peró, bħalma diġá għidt nemmen li jekk ikun hemm il-passjoni u d-determinazzjoni, tista’ tabilħaqq tasal fejn tixtieq!