Friday, June 13, 2025

‘L-esperjenza tiegħi fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar kienet unika u indimentikabbli’ – Zea Montfort

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet il-passjoni tiegħek lejn l-għawm artistiku?  

Din il-passjoni għall-għawm artistiku bdiet meta ġejt esposta għal sessjoni ta’ taħriġ mimm Saho Harada madwar 13-il sena ilu. L-għawm artistiku jlaqqa’ l-passjoni tiegħi għall-ballet u l-għawm. Huwa ta’ sfida kbira għax jitlob minnek saħħa fl-ilma u l-abilità li turi arti permezz ta’ sinkronizzazzjoni u movimenti grazzjużi waqt il-wirja tiegħek.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek fl-aħħar edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra.

Inħossni kuntenta immens u onorata li kelli l-opportunità li nieħu sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra. Kont eċċitata b’mod speċjali li l-għawm artistiku ġie inkluż f’din l-edizzjoni – l-aħħar darba li din id-dixxiplina ġiet inkluża f’dan l-avveniment kien fl-2001! Nittama tassew li l-kumitat organizzattiv ikompli jimbotta għall-inklużjoni ta’ kemm jista’ jkun sports f’edizzjonijiet futuri, u jgħin lill-avveniment jikber biex isir aktar ta’ sfida u prestiġjuż.

L-esperjenza kienet unika u indimentikabbli. Li għext għal ħamest ijiem ma’ atleti Maltin oħra minn diversi dixxiplini tani l-opportunità li niltaqa’ u nagħmel ħbieb ġodda, nappoġġja lil xulxin, u naqsam l-ispirtu ta’ ħidma f’tim filwaqt li kelli l-istess għan li nirrappreżenta lil Malta bi kburija.

Ninsab kburija ħafna wkoll li ltqajt ma’ ħafna atleti li huma studenti preċedenti jew attwali fl-iSkola Nazzjonali tal-iSport (NSS). Kien ta’ ispirazzjoni li nara tant uċuh familjari jaħdmu ħafna biex jirrappreżentaw lil Malta.

Il-preparazzjoni tiegħi għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fetħitli l-bibien għal kompetizzjonijiet internazzjonali wkoll, li ppermettietli nikkompeti f’avvenimenti ta’ livell għoli fit-Tazza tad-Dinja f’Pariġi fi Frar u t-Tazza tad-Dinja f’Marham, f’Mejju ta’ din is-sena. Dawn l-esperjenzi kienu imprezzabbli għall-iżvilupp tiegħi bħala atleta.

Ninsab kuntenta ħafna bir-riżultati li ksibt fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, fejn ksibt żewġ midalji tal-fidda fl-għawm artistiku:

Technical Solo: 215.7750 punt

Solo Free: 172.9675 punt

Din kienet l-ewwel sena tiegħi li kkompetejt fil-kategorija tas-seniors, u ninsab kburija li dawn il-kisbiet ġew wara biss erba’ xhur ta’ preparazzjoni.

Fiż-żewġ avvenimenti, irnexxieli nipplejsja eżatt wara Jasmine Verbadena ta’ San Marino, li hija kklassifikata fost l-aqwa ħamsa fid-dinja u li għandha xi snin aktar esperjenza minni. L-għan tiegħi kien li nirrappreżenta lil Malta bl-aħjar mod li stajt, nagħmel ‘clean routines’, u nimmassimizza l-punteġġi tiegħi. Tajt kollox kemm fil-prestazzjoni kif ukoll għamilt dak li kien mistenni minni. Ninsab kburija li ngħid li ksibt kemm l-aqwa punteġġ personali tiegħi kif ukoll l-aqwa punteġġ nazzjonali fil-kategorija.

Issa, inħares ‘il quddiem lejn il-kompetizzjonijiet li ġejjin għal dan l-istaġun u se nkompli naħdem bis-sħiħ biex nagħmel prestazzjonijiet saħansitra aktar b’saħħithom b’riżultati saħansitra aħjar. Jum biss wara li rritornajt mil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, kont diġà lura fil-pixxina nipprepara għall-wirja tal-klabb f’Barcelona fi Spanja.

Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-Kumitat Olimpiku Malti (KOM), l-ASA, Sport Malta, il-kowċis kollha tiegħi, il-klabbs tas-Synchro Knights u CN Kallipolis, sħabi fit-tim, il-koreografa s-Sinjura Tarres, il-ġurnalisti għar-rappurtaġġ tagħhom, Team Malta talli ferħu bina, lill-ġenituri tiegħi, il-familja u l-ħbieb tiegħi għall-appoġġ sod tagħhom, u lil kull min ikkontribwixxa għall-vjaġġ u s-suċċess tiegħi f’dan il-Logħob.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala atleta tal-għawm artistiku.

Bdejt l-għawm artistiku meta kelli sitt snin. Ipparteċipajt f’timijiet mal-kategoriji tal-U10 u l-U12, u kont ukoll bħala duet partner. Fl-2017, imxejt fi grupp b’aktar età, iżda ma stajtx ningħaqad fi grupp minħabba l-età tiegħi, u sa dan iż-żmien kont qed naħdem bħala solista, u sena wara tfajla Russa ngħaqdet mat-tim u ffurmajna duo. It-tnejn li aħna pparteċipajna fil-kompetizzjoni Matryoshka fl-2019, kemm bħala duo u anke waħedna.

L-iktar memorja għal qalbi hi meta f’Malta saru ċ-Championshiop fl-2021, għalkemm ma stajtx nipparteċipa minħabba restrizzjonijiet fl-età. Nieħu gost f’kull avveniment, kemm solos, mixed duets u issa wkoll bl-acro event. Fl-2021 iffukajt aktar bħala solo, u mill-2022 kelli partner, Emily Ruggier, u flimkien qsamna esperjenzi sbieħ f’kompetizzjonijiet differenti, u riċentament fil-Junior Europeans li kienu saru fil-faċilitajiet sportivi tal-Kottonera.

F’Settembru tal-2023, ingħaqadt ma’ Kallipolis, Barċellona. Tħarriġt kemm fiċ-Championship tal-Katalan u Spanjoli u wkoll ksibt post fuq il-podju. L-espożizzjoni li ksibt mill-wirjiet tiegħi, fit-team free, team tech u avvenimenti akrobatiċi huma imprezzabbli.

Aqsam magħna l-esperjenza tiegħek meta riċentement pparteċipajt f’kompetizzjoni internazzjonali barra minn xtutna.

Riċentement ħadt sehem fit-Tazza tad-Dinja f’Pariġi, bħala senior soloist, u dan kien l-ewwel debutt tiegħi f’dan il-livell. Ir-regoli nbidlu, allura ħdimna fuq l-adazzjoni tal-koreografija li hi kitbet għall-Malta Open fl-2024 biex nimxu mar-regoli l-ġodda. Base marks huma l-biża’ ta’ kull atleta, u filwaqt li l-għan hu li tagħti wirja mingħajr żbalji, dejjem inħobb nisfida lili nnifsi u nagħmel eżekuzzjonijiet aħjar u impressjoni artistika, anke jekk dan jiġi bi prezz għoli. Inħobb nisfida lili nnifsi u nara sa fejn nista’ nasal.

Ir-rutini ta’ waħdi ġew miktuba mid-direttriċi tekniku Ms Anna Tarres. Ksibt riżultati tajbin fejn jidħlu l-wirja artistika u eżekuzzjoni, imma l-base mark (BM) affettwat ir-riżultat ġenerali.

Filwaqt li s-solo free routine offriet sfidi sinifikanti, bid-diffikultà kważi tirdoppja dik tal-kategorija Junior, irċevejt rispons tajjeb ħafna fuq il-mużika li għażilt u anke fuq il-wirja tiegħi.

Qed inħares ’il quddiem b’nota kemm pożittiva u anke realistika. Kuntenta bit-tijtib li għamilt u ser niffoka kif aktar ser intejjeb il-wirjiet tiegħi fejn hemm bżonn.

Kif inhu l-livell kurrenti tal-għawm artistiku f’Malta? U dawk tat-taħriġ u fejn isiru l-kompetizzjonijiet? 

Meta tara l-livell inħoss li kien hemm progress, imma li hemm ċertu aspetti li jeħtieġu attenzjoni. Dan l-isport qed jikber ukoll, speċjalment fost atleti femminili. Imma l-parteċipazzjoni tal-irġiel tibqa’ aktar limitata, toffri sifdi fejn jidħlu mixed duets. Dan mhux biss Malta anke barra minn Malta u dan mhux qed jgħin fl-iżvilupp tat-timijiet.

Apparti minn hekk, dwar it-taħriġ hemm bżonn li jkun hemm aktar ħinijiet għall-użu tal-pixxina, u dan jista’ joħloq problema. Meta l-atleti jibdew jikbru, jibdew jiġu sfidi ġodda fejn jidħol l-impenn, u dan jaffettwa l-parteċipazzjoni tat-tim u l-wirja tiegħu. Li jkun hemm sapport akkademiku u anke fl-immaniġjar tat-taħriġ żgur li ser jgħin biex inżommu dan it-talent.

Il-faċilitajiet ġodda tal-Kottonera huma żgur riżorsa indispensabbli. Meta niġu għar-riżorsi ta’ kompetizzjonijiet lokali, għandna 2 klabbs synchro, imma għadna lura fejn jidħlu opportunitajiet ta’ kompetizzjonijiet. Riżorsi finanzjarji jeħtieġ li jkun hemm aktar biex jattiraw aktar atleti f’kull sports tal-ilma, inkluż l-għawm artistiku, inkella jkun inutli li tinvesti f’faċilitajiet tal-pixxina.

X’inhuma l-isfidi li tara quddiemek?

Sa mill-2023, kont qed nitħarreġ barra minn xtutna u lestejt il-ħames sena sekondarja tiegħi online – vjaġġ li sar possibbli bis-sapport tan-National Sports School (NSS). L-esperjenza kienet simili tal-era tal-Covid-19, imma bi sfida akbar għax ridt nagħmel l-eżamijiet fil-livell ordinarju. Din is-sena preżentat sfidi ġodda, minkejja li bdejt infittex li nibda higher secondary, kemm l-iskejjel pubbliċi u anke privati m’aċċċettawx l-applikazzjoni tiegħi biex inkompli nistudja online. Minbarra li ma nistax inkun parti mill-komunità tal-iskola, ma jistax ukoll ikolli stipendju bħal ħaddieħor. Dan ma waqqfnix milli nkompli nistudja barra, u wkoll bdejt xi lezzjonijiet online u anke permezz ta’ lezzjonijiet irrekordjati. Għalhekk nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lil Centric Computers f’San Pawl il-Baħar li jirrisponduni u jassistuni b’mod effiċjenti fuq diffikultajiet tekniċi meta qed nistudja online.

Irrikonoxxejt l-importanza tal-integrazzjoni kulturali, u għalhekk bdejt nistudja l-Ispanjol, biex inkun nista’ nikkomunika aħjar bil-lingwa nattiva. Iżda huma jippreferu l-Katalan, li huwa aktar diffiċli.

Kif tara l-futur tiegħek fl-għawm artistiku?

Qed niffoka biex inkompli nitjieb bħala solista, li naċċella fil-kategorija tal-junior filwaqt li nipprepara għal kompetizzjonijiet fuq livell senior. L-obbligi tiegħi fi Spanja ser jiġu fis-seħħ f’dan l-istaġun. Ninsab ħerqana biex nipparteċipa f’avvenimenti oħrajn, li jinkludu, solos, duets, f’tim u anke wirjiet akrobatiċi kemm mal-klabb u anke fuq livell nazzjonali. Ninsab kunfidenti li l-esperjenzi li ksibt barra minn Malta ser jgħinuni biex inkun membru tat-tim ta’ siwi u li nikkontribwixxi b’mod pożittiv u nissapportja wkoll is-suċċess tal-membri tat-tim. Qed niffoka wkoll li ntejjeb ir-ranking mal-ewwel ħamsa tal-kategorija Junior. Bħalissa r-ranking tiegħi huwa d-disa’ post fil-Junior Europeans is-sena l-oħra.

X’inhu l-messaġġ li tixtieq tgħaddi għal min jixtieq ikollu karriera fl-għawm artistiku? 

Ibqa’ agħmel dak li jagħtik sodisfazzjon u li jferrħek. Jekk għandek passjoni lejn l-isports ibqa’ segwi u tħalli lil ħadd jikkonvinċik li int m’intx tajjeb biżżejjed.

Li jkollok bilanċ bejn l-isports u l-istudji tista’ tkun ta’ sfida, imma jekk tqassam il-ħin b’mod effettiv, tista’ tikseb dan. Trid issib rutina li takkomoda kemm it-taħriġ u anke l-istudju tiegħek. Li teċċella jirrikjedi attitudni, determinazzjoni, dixxiplina, il-kurżità li titgħallem, u fuq kollox li tkun konxju tiegħek innifsek u mhux biss li jkollok it-talent.

Meta ssib ruħek quddiem l-ostakli, ftakar li ċ-ċavetta hija l-perseveranza. Fittex is-sapport mingħand il-ġenituri, l-għalliema, il-kowċis u membri tat-tim; dawn jistgħu jagħtu gwida imprezzabbli u jinkoraġġuk. Agħmel l-għanijiet u prova ilħaqhom.

Ftakar li l-vjaġġ jaf ikun twil, imma b’determinazzjoni u s-sapport, tista’ tegħleb kull sfida u tikseb affarijiet kbar. Xejn ma jiġi waħdu u faċilment.

Nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lil SportMalta, il-Kumitat Olimpiku Malti (KOM), il-klabb tiegħi f’Malta Synchro Knights, u wkoll il-Malta Sports Scholarship għas-sapport inkredibbli li jagħtuni

U wkoll lill-ASA u l-kowċis tal-opportunità li tawni biex nagħti l-ewwel debutt tiegħi fil-kompetizzjoni senior, u fl-aħħar u mhux l-inqas lill-ġenituri, familja, ħbieb, u membri tat-tim.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport