Tuesday, February 11, 2025

L-esperjenza tiegħi ma’ Valletta FC hija ħolma li saret realtà – James Scicluna

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol? 

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira, meta kont inqatta’ ħin nilgħab mal-ħbieb. Minn hemm bdejt nifhem kemm inħobb dan l-isport, u l-passjoni kibret hekk kif bdejt nieħu sehem fil-kampjonati ta’ tfal. 

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Zabbar SP. 

L-esperjenza tiegħi ma’ Zabbar SP kienet waħda tajba ħafna. Dan il-klabb għeni nikber bħala plejer kif ukoll bħala individwu. Kienet esperjenza li laqqatni ma’ nies li llum il-ġurnata nista’ nsejħilhom ħbieb.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek sa issa ma’ Valletta FC? 

L-esperjenza tiegħi ma’ Valletta FC hija ħolma li saret realtà. Li tilgħab għal klabb bħal Valletta, b’tant storja u tradizzjoni, huwa unur kbir. L-ambjent huwa wieħed professjonali ħafna u s-sapport mill-partitarji huwa inkredibbli. 

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

S’issa kellna staġun mill-aqwa, fejn nisnabu fil-quċċata tal-kampjonat wara 14-il logħba minn total ta’ 22 logħba b’vantaġġ ta’ seba’ punti. Il-konsistenza u d-determinazzjoni tat-tim kienu kruċjali biex jinżamm l-ewwel post, u wrew kemm prestazzjonijiet b’saħħithom kif ukoll reżiljenza. L-avvanz għall-kwarti tal-finali tal-FA Trophy hija kisba oħra sinjifikanti, li turi l-kapaċità ta’ Valletta li jikkompetu fl-ogħla livell fuq il-fronti kollha.

X’tikkummenta fuq il-goal sabiħ u ferm importnati li skorjajt kontra Gzira United fil-Meridianbet FA Trophy?

Il-gowl li skurjajt kontra Gzira kellu rwol vitali biex nassiguraw postna mal-aħħar tmienja tal-Meridianbet FA Trophy. Madankollu, dan is-suċċess ma kienx ikun possibbli mingħajr l-appoġġ ta’ sħabi l-plejers, il-gwida tal-istaff tekniku flimkien mal-appoġġ kontinwu mit-12-il plejer tagħna fl-istands – il-partitarji. Huwa essenzjali li nżommu l-momentum, u nisperaw li nilħqu l-għan aħħari tagħna fi tmiem l-istaġun!

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?  

Għal dan l-istaġun, it-tragwardi tagħna huma ċari ħafna. Nixtiequ nkunu kompetittivi fil-kampjonat u ngħollu t-trofew sabiex nerġgħu ntellgħu isem il-belt kapitali ta’ Malta fejn jixraqilha tkun. Barra minn hekk, irridu noffru logħob ta’ kwalità għoli u nuru progress f’kull partita. 

X’tikkummenta fuq il-kowċ Thane Micallef u fuq il-kumitat immexxi mill-president Claudio Grech? 

Il-kowċ Thane Micallef huwa mexxej eċċellenti. Jaf jagħti l-istruzzjonijiet b’mod ċar u jinkoraġġina dejjem biex inkunu fl-aqwa forma tagħna. Fir-rigward tal-kumitat u l-president Claudio Grech, huma jgħinu ħafna biex jinżamm livell professjonali u jipprovdu l-appoġġ meħtieġ lill-plejers. 

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?  

Il-livell tal-futbol Malti qed jitjieb kontinwament. Il-klabbs qed jinvestu aktar fit-taħriġ u fl-infrastruttura, u naraw aktar plejers Maltin jitilgħu f’livelli għolja, anke internazzjonali. Għad fadal xi jsir, imma żgur li mexjin fid-direzzjoni t-tajba. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? 

Nixtieq inkompli nikber fil-karriera tiegħi u nkompli niksib aktar esperjenzi. It-tama tiegħi hija li nkompli nkun parti minn timijiet kompetittivi u nkompli nikseb suċċessi kemm individwali kif ukoll dawk kollettivi.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol. 

Il-messaġġ tiegħi huwa sabiex tħabirku u tibqgħu tikkonċentraw fuq it-taħriġ u d-dixxiplina. L-impenn kontinwu jagħmel id-differenza. Tħallux xi ostakli jnaqqsulkom il-motivazzjoni, għax tabilħaqq bil-ħidma u d-determinazzjoni tista’ finalment tikseb dak li tixtieq!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport