L-espert forensiku Anthony Abela Medici ngħata Ġieħ ir-Repubblika għas-sehem li ta matul is-snin f’dan il-qasam xjentifiku.
Imwieled ir-Rabat fl-1949 huwa ggradwa fil-kimika mill-Università ta’ Wales b’B.Sc (Hons), u fl-1976 kiseb Ph.D fil-kimika organika mill-Imperial College of Science and Technology, Università ta’ Londra.
Fl-1977 ġie appuntat lettur fil-Kimika Organika fl-Università ta’ Malta u fl-1981 inħatar Direttur tal-Laboratorju tax-Xjenza Forensika tal-Pulizija ta’ Malta fejn kien inkarigat li jwaqqaf il-Laboratorju Forensiku.
Għallem ukoll f’diversi istituzzjonijiet u fl-Akkademja tal-Pulizija u għamel 30 sena jaħdem fil-laboratorju forensiku tal-Pulizija fuq il-każijiet ewlenin kollha, inkluż fost l-oħrajn, omiċidju, il-hijack tal-Egyptair fl-1985 u l-irkupru tal-Caravaggio fl-1987.
Fl-1992 huwa nħatar mill-Arċisqof ta’ Malta sabiex iwettaq l-eżumazzjoni tal-Beata Adeodata Pisani. L-istess proċess sar fl-1997 għal Frenċ tal-Għarb għad-Djoċesi ta’ Għawdex.
Fl-1999, il-Knisja ħatritu sabiex jeżamina u jirrapporta dwar ix-xbieha tal-Madonna tal-Għar li tibki fil-Prijorat ta’ San Duminku, ir-Rabat.
F’Lulju 2000, wettaq l-eżumazzjoni u l-preservazzjoni tal-fdalijiet imqaddsa ta’ San Ġorġ Preca.
Għamel ukoll l-eżumazzjonijiet ta’ Eugenio Borg, Madre Teresa Nuzzo, Mons. Giuseppe De Piro u f’Għawdex ta’ Dun Giuseppe Cauchi u Mons.Giuseppe Portelli.
Fl-2016, Abela Medici ġie elett mill-Kunsill tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa sabiex iservi fil-Kumitat ta’ Esperti għall-Prevenzjoni ta’ tortura u trattamenti inumani jew degradanti jew kastigi.
Mill-2018 sal-2021, huwa okkupa l-kariga ta’ Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.
Abela Medici huwa wkoll rikonoxxut bħala espert tal-Istorja Postali ta’ Malta u huwa l-awtur ta’ żewġ kotba
li jikkatalogaw l-ewwel Kartolini li nħarġu ta’ Malta.