Saturday, December 21, 2024

L-esperti barranin ma jridux jiġu Malta biex jixhdu fil-Qorti dwar l-inkjesta tal-isptarijiet

Aqra wkoll

Meta lbieraħ kompliet tinstema l-kawża fil-konfront ta’ numru ta’ persuni dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, irriżulta li l-esperti barranin imqabbda mill-Maġistrat Gabriella Vella fl-inkjesta li swiet €11-il miljun, ma jridux jiġu Malta biex ikunu fiżikament preżenti fil-Qorti meta se jintalbu biex jixhdu.

Fis-seduta tal-bieraħ xehdu numru ta’ persuni.

L-eks Ministru Chris Cardona xehed li l-memorandum of understanding li kien ġie ffirmat ma’ Vitals fl-2014 kien wieħed minn ħafna memoranda oħra li huwa kien jiffirma bħala Ministru u li dan il-memorandum partikolari ma kienx segwit iktar tard, għaliex kien jitratta dwar Għawdex biss meta l-gvern kellu pjan iktar wiesa ghall-qasam tas-saħħa. Dr Cardona qal ukoll li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ma kienx preżenti meta ġie ffirmat il-memorandum of understanding u illi lilu Dr Muscat qatt ma kellmu dwaru.

Michael Ganado mill-kumpanija ta’ konsulenza Price Waterhouse Coopers ikkonferma li l-memorandum of understanding kien jiffoka fuq Għawdex waqt li meta nħarġet ir-request for proposals din kienet tkopri oqsma iktar wiesa. Ganado qal li min-naħa tagħhom Price Waterhouse Coopers ma sabu xejn ħażin fil-kumpaniji li kienu involuti fil-proġett. Is-Sur Ganado qal li l-proġett kien wieħed realistiku. Żied li huwa qatt ma ntalab jixhed quddiem l-inkjesta u li l-pulizija m’għamlu ebda tfittxijiet lill-kumpanija li jaħdem magħha. 

Angelique Spina minn Price Waterhouse Coopers ikkonfermat ukoll li ma kien hemm xejn ħażin fil-kumpaniji involuti u li l-proġett kien wiehed realistiku anki għaliex kien hemm involuti esperti differenti. F’mument partikolari Price Waterhouse Coopers kienet anki involviet kumpanija Ingliża fix-xogħol li kien qiegħed isir.

Antoine Cremona mid-ditta tal-avukati Ganado Advocates qal li l-gvern mexa fuq il-parir tagħhom li jkun hemm sejħa pubblika għall-proġett tal-konċessjoni tal-isptarijiet. Żied li min-naħa tagħhom huma ma raw xejn illegali fil-proġett u li l-parir tagħhom ma kienx li min kien iffirma l-memorandum of understanding kellu jkun eskluż fil-proċess tar-request for proposals. L-avukat Cremona kkonferma wkoll illi l-eks Prim Ministru Joseph Muscat qatt ma kellmu dwar dan il-proġett.

Il-Qorti aġġornat għat-Tnejn, 23 ta’ Settembru.

Ekonomija

Sport