Monday, March 10, 2025

L-esperti li ħadmu fuq l-inkjesta tal-isptarijiet jistgħu jissejħu biex jixhdu – il-Qorti

Aqra wkoll

F’deċiżjoni f’kawża dwar ordnijiet ta’ ffriżar tal-assi b’rabta mal-inkjesta tal-isptarijiet, l-Imħallef Edwina Grima qalet li l-persuni li qed jagħmlu din il-kawża jistgħu jsejħu biex jixhdu lill-esperti li ħadmu fuq ir-rapport ta’ din l-inkjesta.

L-Imħallef Grima kkundannat bis-sħiħ l-aġir tal-espert ewlieni fl-inkjesta Jeremy Harbinson fejn qalet li dan mingħajr raġuni valida qiegħed jirrifjuta li jixhed, anki jekk il-Qorti poġġiet għad-dispożizzjoni tiegħu mezzi sabiex huwa jkun jista’ jixhed minn pajjiżu minflok jiġi Malta. 

L-Imħallef spjegat kif Harbinson talab lill-Qorti sabiex ma jsirx iktar kuntatt miegħu u saħqet li din l-imġiba ċertament tikkostitwixxi disprezz lejn l-awtorità tal-Qorti. Żiedet li madanakollu, ser ikun hemm diffikultà  sabiex l-ordnijiet tagħha jkunu eżegwiti fil-konfront ta’ Harbinson billi dan jgħix fir-Renju Unit u allura jaqa’ lil hinn mill-ġurisdizzjoni tagħha.

L-Imħallef Grima kompliet illi d-dmir ta’ kull persuna li titla’ fuq il-pedana tax-xhieda huwa regolat bil-liġi Maltija u żiedet li f’dawn il-proċeduri, fl-eventwalità li d-Difiża tkun trid tpoġġi l-mistoqsijiet lil Jeremy Harbinson u dan jibqa’ ma jridx jiġi Malta, tintuża l-proċedura tal-ittri rogatorji bl-assistenza tal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-pajjiż fejn l-espert Irlandiz jgħix. Fi kliem il-Qorti Harbinson jibqa’ xhud kompetenti, għalkemm hemm reżistenza minn naħa tiegħu illi jixhed.

L-Imħallef Grima rrimarkat li flimkien ma’ Harbinson fuq ir-rapport tal-inkjesta ħadmu numru ta’ esperti ohra u qalet illi d-difiża tista’ ssejjaħ ukoll biex jixhdu lil dawn l-esperti l-oħra. F’dan il-kuntest il-Qorti qalet illi ma tistax tneħħi r-rapport tal-inkjesta, li Harbinson qal li kkordina x-xogħol kollu fuqu, qabel ma jintalbu jixhdu esperti oħrajn. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport