Tuesday, December 24, 2024

L-ESTONJA B’FOST L-AĦJAR SISTEMI EDUKATTIVI FL-EWROPA

Kenneth Vella, Ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja

Aqra wkoll

Fil-qasam edukattiv, sikwit nirreferu għas-suċċessi ta’ pajjiżi Nordiċi fil-qasam tal-edukazzjoni fosthom tal-Finlandja, sikwit is-sistema Finlandiża narawha bħala mudell ta’ suċċess u eċċellenza f’dan is-settur u ssir referenza diretta għaliha. Filwaqt li dan huwa tajjeb, u li nsostni li kull pajjiż, inkluż Malta għandha ħafna x’toffri f’dan il-qasam, nemmen ukoll li kull min hu mdaħħal fl-edukazzjoni għandu jibda jmur lil hinn milli josserva biss x’inhu jiġri fil-Finlandja. Għandu jibda jħares ukoll lejn sistemi ta’ pajjiżi oħrajn bħas-sistema edukattiva Estonjana. Fil-fatt fi rwol tiegħi ta’ ambaxxatur u edukatur bqajt nosserva fl-aħħar xhur mhux biss kif qiegħed tevolvi l-edukazzjoni fil-Finlandja iżda bdejt ninnota u nimpressjona ruħi jkolli ngħid, bl-iżvilupp u l-progress qawwi li qiegħed tagħmel l-Estonja f’dan il-qasam. 

Pereżempju fl-Estonja t-tfal jitgħallmu r-robotika sa mill-età ta’ 7 snin u l-għalliema jużaw risorsi relatati mar-realtà virtwali biex tfal isiru jħobbu minn ċkunithom suġġetti bħal ġeografija, kimika, l-istorja u l-lingwi, Dan l-istat żgħir eks sovjetiku u llum membru fl-Unjoni Ewropea, fit-Tramuntana tal-Ewropa għandu attwalment waħda mill-aħjar sistemi ta’ edukazzjoni fl-Ewropa, dejjem skont il-Programme of International Student Assessment (PISA) immexxi mill-organizzazzjoni għall-Iżvilupp u Ko-operazzjoni Ekonomika (OECD).

Investiment mhux esaġerat

Minkejja li l-ispiża fuq l-edukazzjoni hija baxxa, l-Estonja hi fost l-aqwa pajjiżi fid-dinja fl-oqsma kollha li fihom studenti ta’ 15-il sena jiġu assessjati minn żmien għal żmien: jiġifieri fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza. L-iskejjel huma kkunsidrati wkoll fost l-aqwa biex jippromvowu l-ġustizzja u t-tfal fl-Estonja huma fost l-aktar ferħana, dejjem skont l-istudji tal-OECD. It-teknoloġija hi waħda mis-sigrieti tas-suċċess ta’ dan il-pajjiż fil-qasam edukattiv.

L-Estonja permezz ukoll tal-entità ewlenija e-Estonia tpoġġi lil dan il-pajjiż bħala ideali għal kumpaniji start-up u 99 fil-mija tas-servizzi tal-gvern jingħataw kollha online. Fil-pajjiż il-karti tal-identita’ huma kollha elettroniċi u allura pereżempju f’elezzjoni ġenerali, iċ-ċittadini jistgħu jivvutaw online. Il-Gvern investa minn kmieni biex jiżgura li fl-iskejjel kollha jkun hemm aċċess għal tagħmir elettroniku u konnessjoni ta’ internet tajba.

Fil-maġġoranza tagħhom l-istudenti jużaw tablets u risorsi organizzattivi elettroniċi u bil-mod il-mod l-eżamijiet kollha qegħdin isiru ftit ftit anki online. Anki x-xogħol għad-dar u t-testijiet fl-iskejjel huma ssettjati b’mod diġitali u dan inaqqas ħafna l-ħidma tal-għalliema. Teżisti wkoll librerija nazzjonali online ta’ aktar minn 20,000 riżorsa edukattiva imsejħa e-Schoolbag.

Is-sistema kollha titmexxa fuq l-ispirtu intraprenditorjali. L-iskejjel u l-mexxejja tagħhom għandhom livell għoli ta’ awtonomija. Il-kapijiet tal-iskejjel huma liberi li jiddeċiedu kif jorganizzaw ħajjet l-istudenti, it-timetable u kif jimplimentaw il-kurrikulu. Ma jsirux spezzjonijiet u assessjar nazzjonali b’mod regulari. Issir evalwazzjoni tal-iskejjel kull tliet snin permezz ta’ testijiet online għall-istudenti u l-awtoritajiet jintervjenu biss jekk ikun hemm xi problema. “Nafdaw u għandna fiduċja sħiħa fil-kapijiet tal-iskejjel u fl-għalliema u l-għalliema tagħna huma professjonali u għandhom ħafna awtonomija,” kienet irrimarkatli Liina Kersna l-ex Ministru tal-Edukazzjoni u Riċerka waqt żjara li għamilnilha f’Diċembru li għadda flimkien mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ dak iż-żmien Evarist Bartolo.

Awtonomija

L-għalliema, li jħossuhom awtonomi biex iwettqu xogħolhom iqattgħu inqas ħin fil-klassijiet minn ħafna mill-għalliema fil-pajjiżi fi ħdan l-OECD, li jfisser li jkollhom iktar ħin biex jippreparaw il-lezzjonijiet u jattendu korsijiet għall-iżvilupp professjonali tagħhom. L-għalliema kollha gradwati f’livell ta’ masters waqt li għalliem tal-kindergarten irid ikollhom ukoll degree.

It-tfal fl-Estonja ma jibdewx jattendu l-iskola qabel ikollhom seba’ snin imma huma legalment intitulati li jkollhom post f’kindergarten sa mill-eta’ ta’ 18-il xahar. Is-sussidju fin-nurseries huwa qawwi li jgħin lill-ġenituri ma jħallsux qatt aktar minn 20% tal-paga minima tagħhom. Wara l-kindergarten it-tfal jingħataw dokument li jikkonferma li huma lesti u preparati għall-edukazzjoni obbligatorja. Dan id-dokument jiddeskrivi l-abbilitajiet u l-iżvilupp tagħhom. Dawk li jeħtieġu appoġġ jiġu riferuti lil speċjalisti u professjonisti bħal speech therapists qabel jibdew l-edukazzjoni formali.

Fl-iskejjel għall-istudenti bejn is-7 u s-16-il sena hemm enfasi qawwija fuq l-inklużjoni. F’dawn l-iskejjel waqt il-ħin tal-mistrieħ, it-tfal jiġu offruti ikla bnina b’xejn, kif fuq kollox hu t-trasport għall-iskola, il-kotba u ż-żjarat kurrikulari u kulturali waqt il-ħin tal-iskola. Fil-klassijiet ikun hemm tfal b’abbilitajiet imħallta u l-istudenti ma jkunu qatt segregati fi gruppi. Studenti li jsibuha diffiċli jew ikollhom problemi fl-imġiba tagħhom jittieħdu għal tagħlim individwali jew tagħlim fi gruppi żgħar. 

L-iskejjel għandhom il-psikologu tagħhom u minn żmien għal żmien isir stħarriġ fuq is-saħħa tat-tfal. Dan jinkludi wkoll assessjar tas-saħħa mentali tal-istudenti u l-għalliema. It-tfal fl-ebda snin tal-istudju tagħhom ma jiġu esklużi. Ħafna mill-istudenti jibqgħu fl-edukazzjoni sakemm jagħlqu 19-il sena. Madwar 25% imorru f’istituzzjonijiet vokazzjonali u l-kumplament imorru f’entitajiet li joffru edukazzjoni akkademika. Kulħadd huwa mistenni li finalment jakkwista ċ-ċertifikat tat-tmiem tal-edukazzjoni sekondarja u obbligatorja u kull student jiġi megħjun ħalli jirnexxielu jasal sa hawn.

Illum il-kurrikulu tal-iskejjel Estonjani m’għadux biss ibbażat fuq l-għarfien u fehim imma hu iktar dwar l-implimentazzjoni, analiżi, sintesi u assessjar b’aktar koordinazzjoni u integrazzjoni bejn is-suġġetti. Issir iktar enfasi dwar kif jissolvew il-problemi, il-ħsieb kritiku, il-valuri, iċ-ċittadinanza, l-edukazzjoni intraprenditorjali u l-kompetenza diġitali, kollha kwalitajiet li min iħaddem jew jinvesti fil-pajjiż dejjem jisħaq li jrid jara fl-impjegati tiegħu. 

Jikteb Kenneth Vella

Fi tmiem is-snin ta’ edukazzjoni obbligatorja l-istudenti jkunu vvalutati formalment fuq kollox fi tliet suġġetti: l-Estonjan, il-matematika u lingwa barranija (ħafna mill-istudenti jagħżlu l-Ingliż) imma l-kurrikulu hu ferm aktar wiesgħa minn hekk.
L-istudenti sakemm jagħlqu 18-il sena jridu jagħżlu jekk jistudjawx is-suġġetti tal-arti u x-xjenza. L-istudenti jridu jagħmlu proġett kreattiv dwar dixxiplina trasversali biex jiggradwaw minn skola obbligatorja u jagħmlu proġett ta’ riċerka qabel jitilqu minn skola post sekondarja. Il-mużika, l-isport, id-drama u l-arti jagħmlu parti integrali mill-kurrikulu. Riċentement, Andreas Schleicher. Direttur tal-Edukazzjoni fl-OECD qal li “fl-Estonja, l-ebda student m’għandu attivita’ extracurrikulari. Dan għax għalihom l-attivita’ extrakurrikulari tagħmel parti integrali mill-kurrikulu”. 

L-Estonja għandha strateġija edukattiva sal-2035 u li għandha appoġġ wiesgħa mill-partiti kollha. Dan iwassal għal ċertu stabbilita’ fid-direzzjoni li tingħata fl-edukazzjoni. Kif qalet Gunda Tire, il-Kap Internazzjonali tad-Dipartiment tal-Assessjar fil-pajjiż, “tkun problema jekk kull darba li jitla’ gvern dan ikollu l-pjan tiegħu u jibdel kollox fil-qasam edukattiv. F’dan il-każ il-qbil mill-bidu u l-kontinwita’ huma essenzjali.”

Estonja u Malta

Ċertament l-Estonjani u dawk involuti fl-edukazzjoni huma dejjem lesti jaqsmu l-ħsibijiet u l-esperjenza tagħhom ma’ edukaturi minn pajjiżi oħra. Kien minħabba f’hekk li fl-aħħar xhur ħdimna biex f’pajjiżna nintroduċu r-risors tal-matematika 99math. Iffaċilitajna l-bidu tal-kollaborazzjoni bejn l-Universita’ ta’ Tartu u dik ta’ Malta. Ġie ffirmat ukoll ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn MEDAC fi ħdan l-istess Universita’ u l-iskola Estonjana tad-Diplomazija. 

Bdejna wkoll ko-operazzjoni mal-Awtorità Dwar l-Edukazzjoni fl-Estonja, Education Estonia. Grazzi għall-appoġġ kontinwu ta’ Elaine Azzopardi, direttriċi ta’ Mindfulness with Elaine u Mindful Education Malta u Kristel Moistus, Manager fi ħdan l-istess Awtorità Estonjana organizzajna sensiela ta’ webinars li matulhom ġew ippreżentati numru ta’ risorsi edukattivi innovattivi. Dan wassal biex bdiet kollaborazzjoni bejn entitajiet Maltin u Estonjani. Dettalji dwar dan żgur li se jitħabbru l-quddiem. 

Ekonomija

Sport