Tuesday, December 16, 2025

L-estremiżmu u r-razziżmu… it-theddida dinjija llum

Aqra wkoll

Proprju fid-diskors fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika, il-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono wissiet kontra il-lemin estrem. Hu fatt li wieħed ma jistax jinnegah li fl-Ewropa, f’pajjiżi oħra u anke fostna, qegħdin naraw elementi tal-lemin estrem jerfgħu rashom. Diskors li sar fi sfont. Sar fi żmien fejn f’pajjiżna b’mod regolari u kontinwu naraw elementi estremisti imorru fuq il-midja soċjali u jbattlu dak li jkollhom fl-istonku. Joħorġu b’kull tip ta’ mibegħda.  Rajniha tiġri proprju fl-aħħar jiem meta ġew salvati grupp ta’ immigranti u li ddaħħlu f’Buġibba. Rajna imbagħad kummenti dispreġjattivi u ta’ mibegħda ma jaqtgħu xejn fil-każ li kien hemm fi skola f’Pembroke.

Jekk inħarsu lil hinn minn xtutna naraw li fejn jidħlu l-barranin hemm sitwazzjonijiet li jagħtu sinjal allarmanti. Huma sitwazzjonijiet li qegħdin iżidu l-perċezzjonijiet u x-xenofobija anke f’pajjiżi lbogħod. Fl-Istati Uniti qegħdin naraw kif ta’ kuljum ħaddiema immigranti qegħdin jiġu arrestati u deportati. Fir-Renju Unit qegħdin naraw sitwazzjoni simili.

Waqt li r-razziżmu żdied fit-toroq u postijiet pubbliċi fl-Ewropa u pajjiżi oħra, fis-siti soċjali imbagħad qiegħda tiżviluppa dinja oħra, b’kummenti dispreġjattivi u kliem ta’ mibegħda li litteralment huma l-ordni tal-ġurnata. 

Sfortunatament qegħdin ngħixu  f’soċjetà li hi mimlija preġudizzji kontra l-barranin. Preġudizzji lejn min hu ta’ ġilda differenti minn tagħna, preġudizzji kontra min hu ta’ razza differenti minn tagħna jew ta’ reliġjon. Il-preġudizzji u l-kummenti razzisti mhumiex biss fil-konfront ta’ Afrikani. Qegħdin narawhom ukoll fis-siti soċjali kontra l-Iżraeljani u kontra ir-Russi fost oħrajn.

M’għandna ebda dubju li waħda mill-akbar theddidiet li għandha d-dinja llum hi l-lemin estrem u r-razziżmu. Dawn idgħajfu is-soċjetà tagħna. Ikissru is-solidarjetà ta’ bejnietna.  Joħolqu inugwaljanza fis-soċjetà tagħna.  

Nemmnu li llum is-soċjetà tagħna għandha bżonn tinħeles mill-estremiżmu li qed jikber fostna. Estremiżmu li forsi ġieli ninjorawh imma qiegħed magħna.   Estremiżmu li ma jagħmel xejn ħlief li jirkeb fuq it-traġedji tal-vulnerabbli biex ibeżża’ sezzjonijiet tal-poplu.  Estremiżmu li ma juri l-ebda ħniena. Lanqas ma ħaddiem barrani li weġġa’ jew miet b’inċident fuq il-post tax-xogħol. Għall-estremisti l-empatija ma teżistix.

Nemmnu li r-razziżmu u l-antipatija li xi wħud  għandhom lejn dawk li ma humiex Maltin llum m’hemmx posthom. F’pajjiż modern u miftuħ għad-dinja, ma hemmx lok għar-razziżmu. L-iskambju kulturali li bbenefikat minnu Malta bid-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea saħħaħna u kabbarna bħala poplu. Illum diversi minn ħutna l-Maltin jgħixu u jaħdmu f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Oħrajn rritornaw lura, mibdulin mill-esperjenza tagħhom f’pajjiż ieħor. Bl-istess mod, uħud minn ħutna l-Ewropej jgħixu fostna, jaħdmu magħna u jaqsmu ħajjithom magħna l-Maltin. Ma’ dawn imbagħad irridu nżidu dawk il-persuni minn pajjiżi terzi li għandhom permess li jistudjaw jew jaħdmu hawn Malta, u dawk il-persuni l-oħra li għandhom status ta’ refuġjati jew jibbenefikaw minn protezzjoni umanitarja. 

Dan il-proċess ta’ migrazzjoni minn u lejn Malta ma bediex ilbieraħ. Bħala poplu ilna nemigraw lejn pajjiżi oħra u kważi kulħadd għandu qraba jgħixu l-Awstralja, l-Kanada, l-Istati Uniti jew xi pajjiż ieħor. Bħala Maltin, inkunu kuntenti għall-Maltin l-oħra li sabu posthom fis-soċjetà li marru jgħixu fiha u bir-raġun ninkorlaw jekk dawn il-Maltin kellhom ibatu minn xi diskriminazzjoni jew esklużjoni għall-ebda raġuni ħlief li huma Maltin jew agħar minħabba l-fattizzi tagħhom. 

Nemmnu li dan l-istess proċess ta’ integrazzjoni importanti li jseħħ f’Malta. Integrazzjoni li taħdem tajjeb issawwar fl-immigranti sens ta’ appartenenza u r-rieda li jiffurmaw parti mis-soċjetà, u li jikkontribwixxu direttament għall-progress tagħha. L-integrazzjoni twassal ukoll għal aktar fehma bejn il-persuni differenti sal-punt li d-differenzi oriġinali isiru sekondarji u banali. 

Irridu nżommu f’moħħna li meta nisseparaw b’mod riġidu bejn min jaqa’ fid-definizzjoni ta’ Malti u dik ta’ barrani inkunu qed nagħmlu ħsara lil diversi minn ħutna l-Maltin stess u l-familji tagħhom. Miż-żwiġijiet li jseħħu f’Malta li jirrigwardaw tal-anqas persuna waħda ta’ nazzjonalità Maltija, madwar ħmistax fil-mija minnhom huma ma persuni mhux Maltin. 

Nittamaw li ma nibqgħux passivi.  L-estremiżmu m’hemmx postu fis-soċjetà tagħna. Nittamaw ukoll li istituzzjonijiet f’pajjiżna ma jibqgħux siekta quddiem ir-razziżmu u kummenti ta’ mibegħda. Ma nistgħux nibqgħu indifferenti. Indifferenza u l-apatija li hawn biex nitrattaw dan is-suġġett, qed ikomplu jżidu ir-rażżismu fostna. 

Ma rridux ninsew li dik il-parti tal-istorja li ma tiġix imfakkra, li neħduha li qisu xejn mhux xejn jew li issa ilha li saret jew agħar minn hekk tipprova titnessa, hemm ċans kbir li maż-żmien tirrepeti ruħha.  Illum hu ċar ħafna u faċli tasal għal mistqosija jekk tgħallimniex minn dak li għaddiet minnu d-dinja matul is-snin. Tkellimna fuq ġenoċidji u kriżijiet umanitari. Id-dinja qalet li tgħallmet. Illum imma nistaqsu kemm verament id-dinja tgħallmet minn dawn is-sitwazzjonijiet?  Din il-mistoqsija nweġbuha malajr jekk inħarsu x’qed jiġri llum fid-dinja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport