Sunday, November 24, 2024

“L-età ta’ kunsens hija ħafna aktar kumplessa minn deċiżjoni legali”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

F’dawn il-ġranet ħafna huma dawk li qegħdin jiddiskutu u jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar jekk l-età tal-kunsens sesswali għandhiex tinżel minn 16-il sena għal 14. L-opinjonijiet huma varji però, l-aktar ħaġa li qiegħda ssir enfasi fuqha hija dik ta’ edukazzjoni fuq is-suġġett lill-adoloxxenti tagħna. L-adoloxxenti li jgħixu f’era progressiva, hekk kif tikkonfermalna tfajla ta’ 16-il sena, illum il-ġurnata qegħdin jagħżlu li jkunu intimi minn età żgħira saħansitra b’uħud minn tenera ħafna, saħansitra ta’ 11-il sena.

Id-diskussjoni li ħadet bħal leħħa fuq il-midja soċjali bdiet wara li maġistrat f’qorti tal-minuri kellha każ quddiemha ta’ koppja taħt l-età – ġuvni ta’ 15-il sena u tfajla ta’ 14. Dawn kellhom relazzjoni sesswali b’kunsens bejniethom li rriżutat fi twelid ta’ tarbija. Filwaqt li l-liġi bħalissa tinkriminalizza tali attività, din il-koppja għażlet li ma jixhdux kontra xulxin għax, effettivament, huma riedu li jkollhom kuntatt intimu.

Fir-rigward dan il-ġurnal tkellem mas-sesswologu Matthew Bartolo li mill-ewwel qalilna li l-età ta’ kunsens hija ħafna iktar kumplessa minn deċiżjoni legali u saħaq fl-importanza li ngħallmu lil uliedna dwar il-konsegwenzi. Dan għax jemmen li billi nnaqsu r-riperkussjonijiet legali ta’ sess ta’ 14 il-sena, mhux qegħdin innaqsu ċ-ċans ta’ tqala prematura jew konsegwenzi emozzjonali u psikoloġiċi li hemm meta tinfetaħ tant għal persuna oħra meta fil-verità, tkun għadek ma tafx lilek innifsek.

Fatt ta’ min jistudjah u jifhmu…

“Irridu naqblu li mhux kull tifel ta’ 14 huwa l-istess u lanqas ma hija kull tifla ta’ 16 il-sena. Il-fatt li qiegħed ikun hemm iktar każijiet fejn tfal qiegħed ikollom kuntatt sesswali ta’ dik l-età, ta’ min jistudjah u jifhmu,” insista Bartolo.

Huwa qal li r-riċerka ma turix li t-tfal qegħdin ikollom x’jaqsmu iktar ta’ età żgħira. Min-naħa tiegħu qal li jista’ jkun li t-tfal qegħdin jitkellmu aktar mal-ġenituri u allura dawn qegħdin jagħżlu li jirrapportaw aktar.

Bartolo kompla li, “jista’ jkun li din qiegħda tintuża minn tfal bħala vendetta meta tispiċċa r-relazzjoni. Jirrappurtaw lill-eks li sar is-sess avolja jkun sar b'”kunsens”. “Kunsens” miktuba hekk għax fil-verità tfal ta’ dik l-età ma jistgħux jagħtu kunsens fuq ġisimhom stess anke meta huma stess ikunu jridu li jkollom x’jaqsmu”.

Għala hemm tfal li jkollhom x’jaqsmu ta’ età żgħira?

Dan is-sesswologu elenka tliet raġunijiet għala forsi hemm tfal li jkollom x’jaqsmu ta’ età tant tenera. Huwa beda bil-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ superviżjoni mill-adulti. Hawn Bartolo ppropona biex nistaqsu jekk jistax ikun li m’għadx għandna ċans inrabbu fejn żied li, “apparti li meta ma nkunux mat-tfal tagħna hemm ċans li jagħmlu l-ħażin, meta ma nagħtuhomx attenzjoni aħna, se jkunu jixtiequha aktar minn x’imkien ieħor u s-sess huwa mod kif jieħduha”.

It-tieni huwa qal li esperjenza ta’ abbuż ipoġġi lil uliedna aktar f’riskju li jduru għas-sess biex jgħollu s-sens ta’ validazzjoni. Li huma mixtieqa, li huma “maħbuba”. Abbuż speċifika li mhux bilfors ikun ta’ natura sesswali imma anke li t-tfal jew il-minuri jgħixu f’dar fejn hemm vjolenza domestika. It-tielet raġuni li ta u għalaq biha s-sesswologu Matthew Bartolo hija dik li ta’ età żgħira, dawn ikollhom aċċess għal materjal pornografiku u nuqqas ta’ diskussjonijiet miftuha ma’ adulti li jixtiqulhom l-ġid.

Is-soluzzjoni skont esperti:
Dikriminalizzazzjoni u mhux tnaqqis…

Sadanittant tkellmu fir-rigward il-Kummisssarju għat-Tfal Antoinette Vassallo, il-Kunsill Nazzjonali għaż-Żgħażagħ u l-President tal-Eurochild, Marie-Louise Coleiro Preca. Dawn kollha huma favur edukazzjoni sesswali aħjar.

Esperti qegħdin jipproponu li pajjiżna għandu bżonn il-liġi “Romeo and Juliet” li tiddikriminalizza sess b’kunsens bejn adoloxenti li għandhom bejn wieħed u ieħor l-istess età jew bi ftit differenza bejniethom. L-istess esperti jemmnu li tinżel l-età tal-kunsens, mhiex is-soluzzjoni.

F’Malta l-età tal-kunsens kienet uffiċjalment imnaqqas minn 18 għal 16-il sena fl-2018. Il-liġi tagħna fir-rigward hija tal-2010 iżda sal-aħħar ta’ din is-sena l-Ministeru tas-Saħħa mistenni jibda proċess ta’ konsultazzjoni.

Sport