Il-midja soċjali llum nistgħu ngħidu li hija xi ħaġa li tifforma parti mir-rutina tal-maġġoranza tan-nies madwar id-dinja kollha. Min għal ħames minuti filgħodu u oħrajn li jqattgħu sigħat. Ngħiduha kif inhi, l-għatx għal x’qiegħed jiġri madwarna, b’mod speċjali x’għamel ħaddieħor hija waħda mill-affarijiet li faċilment tiġi nnutata fil-Maltin u l-Għawdxin. Biżżejjed inħarsu lejn liema huma l-avvenimenti l-aktar segwiti mill-pubbliku biex naslu għall-konklużjoni li l-poplu jfittex l-aktar informazzjoni relatata ma’ persuni oħrajn fejn fost l-oħrajn tispikka l-attenzjoni għal rapporti umani u anke aħbarijiet ta’ kronaka bħalma huma l-inċidenti.
Nemmnu li kull ġurnal u kull sit għandu responsabbiltà kbira meta qiegħed iwassal ċertu kontenut lill-qarrejja. Bla ebda dubju, il-ġurnalist għandu jagħmel minn kollox biex jinforma ruħu tajjeb dwar dak li jkun qiegħed jirrapporta. Huwa parti minn xogħlu li b’dak li jikteb jiġbed lejh aktar qarrejja, iżda dan ikompli jgħabbih b’responsabbiltà ta’ x’inhu moralment etiku u x’mhux.
Fl-aħħar jiem, kif imbassar, numru ta’ rapporti fil-midja ffukaw fuq il-maltemp li laqat il-gżejjer Maltin. Minkejja li kien imbassar, minkejja kritika mill-qarrejja li fost l-oħrajn issa żmienu, il-qarrejja segwew dawn ir-rapporti u interaġixxew b’numru ta’ kummenti u tixrid tal-istess rapporti. Fost dawn il-ħafna filmati ta’ ilmijiet li laqtu b’mod varjat il-gżejjer Maltin, l-attenzjoni daret fuq filmat partikolari. M’aħniex se nidħlu fil-mertu ta’ jekk kellux jixxandar jew le dan il-filmat. Mhuwiex fid-dmir tagħna li niġġustifikaw x’inhu moralment etiku u x’mhux għal ħaddieħor. Minkejja dan, il-maġġoranza tal-kummenti li segwew il-filmat tal-omm b’binha ta’ 7 snin, li milli jidher spiċċat f’sitwazzjoni fejn ma kellhiex għażla oħra ħlief li tabbanduna l-karozza tagħha minħabba ilmijiet kbar li sabet ruħha fihom, għadhom hemm u jista’ jaqrahom kulħadd.
Min-naħa l-oħra, il-persuna bl-akbar responsabbiltà hija l-komunità inġenerali. Hija responsabbiltà ta’ dik il-persuna li kienet wara l-mowbajl. X’kien il-ħsieb li tiġbed filmat ta’ din is-sitwazzjoni? X’kien l-iskop li xxandar il-filmat? It-tweġibiet jistgħu jmorru fuq żewġ naħat totalment opposti. Filwaqt li l-ħsieb seta’ kien dak li joħroġ l-istint tal-omm li lesta tagħmel minn kollox biex tipproteġi lil uliedha, min-naħa l-oħra seta’ kellek skop totalment oppost ta’ persuni f’dinja fejn il-views u r-ruxmata ta’ kummenti, li kif mistenni feġġew, jingħataw prijorità fuq l-umanità.
Kellek imbagħad ir-reazzjoni ta’ iben din l-omm, li ma qgħadx lura biex jiġġustifika l-imħabba t’ommhom. Saħaq li ħadd ħliefhom ma jista’ jitkellem dwar is-sagrifiċċji tal-omm biex tgħinhom jilħqu l-miri tagħhom u li qed ngħixu f’dinja tal-kartapesta, artifiċjali li tagħti prijorità l-likes, views u gaffati oħra.
Nemmnu li dak la kien l-ewwel każ li qajjem furur u lanqas se jkun l-aħħar wieħed. Madanakollu nemmnu li kull min jesponi lil ħaddieħor, għandu jipprova jagħmel eżami tal-kuxjenza, imqar wieħed ħafif biex jasal għall-konklużjoni ta’ jekk il-buttuna ‘publish’ għandhiex tingħafas jew le, anke abbażi ta’ x’se jkunu ir-riperkussjonijiet tal-istess għafsa.