Is-Segretarju Franċiż għall-Istat u għall-Affarijiet Barranin, Clement Beaune, ħabbar li probabbilment l-Unjoni Ewropea għada se tkun qed tadotta numru ta’ sanzjonijiet ġodda fil-konfront tar-Russja. Dan żvelah waqt intervista li kellu mal-RFI Radio iktar kmieni dalgħodu.
Ir-raġuni għal dan hija minħabba li f’dawn l-aħħar ftit jiem kien hemm rapporti dwar il-qtil ta’ residenti f’Bucha. Min-naħa tagħha, ir-Russja ċaħdet kull tip ta’ akkuża relatata mal-qtil tal-Ukreni, inkluż dawk f’Bucha.
Ir-Rappreżentant Russu għan-Nazzjonijiet Magħquda, Vasily Nebenzya, iddikjara li llum ir-Russja se tkun qed tippreżenta “evidenza empirika”lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda fejn permezz tagħha turi li l-forzi Russi ma kellhomx x’jaqsmu ma’ dawn l-atroċitajiet.