Tuesday, April 30, 2024

‘L-Ewropa li Nixtieq’ – Il-futur tas-saħħa, tal-valuri u tax-xogħol fl-UE diskussi f’laqgħat pubbliċi

Aqra wkoll

B’rabta mal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, is-Servizzi Ewropej Malta (SEM) u Europe Direct Valletta organizzaw tliet diskussjonijiet pubbliċi bit-tema: ‘L-Ewropa li Nixtieq’. Din hija inizjattiva li qiegħda ssir matul din is-sena fl-Ewropa kollha, biex ċittadini minn kull qasam tal-ħajja jagħtu l-opinjoni, jaqsmu l-ħsibijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom dwar kif jixtiequ li jkun il-futur tal-Unjoni Ewropea f’dawn l-oqsma.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ SEM Mandy Falzon, u ma’ panel ta’ kelliema u esperti pparteċipaw f’dawn it-tliet laqgħat, li kienu ffukati fuq il-futur tas-saħħa, il-valuri Ewropej, u l-futur tax-xogħol fl-UE.

Fost il-punti ewlenin li tqajjmu fl-ewwel laqgħa dwar il-futur tas-saħħa fl-UE, ġiet diskussas-saħħa fiżika u mentali taċ-ċittadini Ewropej, id-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tas-saħħa, it-trattament u l-kura għal mard transfruntier, it-tagħmir tas-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri biex jipprevenu u jindirizzaw aħjar il-pandemiji futuri, u t-tisħiħ tal-kordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-saħħa fl-Istati Membri biex jindirizzaw aħjar theddid komuni.

Il-Ministru Carmelo Abela saħaq dwar l-importanza li npoġġu lill-pazjenti iktar fiċ-ċentru tas-servizzi tas-saħħa billi nirrikonoxxu li pazjenti differenti għandhom bżonnijiet differenti. Il-Ministru qal: “Għandna nkomplu nibnu fuq dak li tgħallimna mill-pandemija, b’mod speċjali fejn tidħol il-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri, li rnexxiet ħafna fix-xiri tat-tilqim u li dan issa għandu jitwessa’ għal każijiet oħra, bħal mard rari.”

Fit-tieni laqgħa ġiet diskussa t-triq ’il quddiem fejn jidħol it-tisħiħ tal-valuri Ewropej tad-demokrazija, is-solidarjetà, l-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali.

Il-Ministru rrimarka dwar l-importanza li l-valuri Ewropej jitħaddnu mill-pajjiżi u ċ-ċittadini kollha. Qal li rridu li jkollna Ewropa li tikkonċentra fuq il-bżonnijiet tan-nies, u li kulħadd jaħdem għalihom. Speċifikament, il-Ministru għamel referenza għall-valur tas-solidarjetà li mhux dejjem jitħaddem fil-prattika mill-pajjiżi kollha.

Matul it-tielet laqgħa dwar il-futur tax-xogħol fl-UE għal soċjetà iktar ġusta, ġew diskussi l-kundizzjonijiet tal-impjiegi, iktar għarfien dwar il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, u l-ugwaljanza.

Il-Ministru Carmelo Abela semma kif qed isir xogħol biex titressaq paper għall-konsultazzjoni kemm mal-pubbliku u mal-imsieħba soċjali biex tissaħħaħ il-liġi tax-xogħol.

Kull min jixtieq jikkontribwixxi bl-ideat dwar suġġetti marbuta mal-futur tal-Unjoni Ewropea jista’ jidħol direttament fil-pjattaforma diġitali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, jew jibgħat il-kontribut tiegħu bil-miktub lil [email protected].

Sport