Sunday, February 22, 2026

L-Ewropa ma tistax tibqa’ mifruda

Aqra wkoll

Proprju ftit tal-jiem inżammet il-Konferenza tas-Sigurtà ta’ Munich (MSC). Konferenza importantissima li titratta  il-Politika tas-Sigurtà. Konferenza annwali dwar il-politika tas-sigurtà internazzjonali li ilha ssir f’Munich, il-Ġermanja, mis-sena 1963 u hi l-akbar laqgħa tat-tip tagħha fid-dinja.

Din is-sena, din il-konferenza kienet mistennija aktar minn qatt qabel. Sar fi żmien fejn l-Istati Uniti u l-Iran żiedu t-tensjoni ta’ bejniethom. Dan waqt li f’Gaża, l-Gvern ta’ Netanyahu kompla għaddej bl-attakki tiegħu. Fil-konfront l-ieħor, dak bejn l-Ukrajna u r-Russja, ma kien hemm ebda żblokk. 

Matul l-aħħar erba’ deċennji, il-Konferenza tas-Sigurtà ta’ Munich saret l-aktar forum indipendenti importanti għall-iskambju ta’ fehmiet minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-politika tas-sigurtà internazzjonali. 

Din is-sena din il-konferenza dwar is-sigurtà fid-dinja saret ukoll fl-isfond tad-distakk dejjem jikber bejn l-Istati Uniti u Unjoni Ewropea. Kienet konferenza li kien hemm stennija l-aktar drar il-messaġġ minn naħa tal-Istati Uniti fejn jirrigwarda id-distakk mal-Ewropa. Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio fid-diskors li għamel ipprova jtaffi dan id-distakk.  Il-qasma fl-Unjoni Ewropea ġiet tratta ukoll b’Rubio  jenfasizza l-ħtieġa li l-Ewropej jibqgħu magħqudin.

Minkejja t-ton li uża, ton intiż biex jipprova jtaffi dan id-distakk, id-differenzi baqgħu hemm. Kien hemm min esprima sodisfazzjon għat-ton ta’ Rubio. In-naħa Amerikana biex tipprova tiġbed simpatija u ttaffi d-distakk li hemm bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa, tkellmet dwar l-għaqda u l-ħsieb komuni li kien hemm fuq il-kampijiiet tal-battalja fejn dakinhar l-Ewropa u l-Istati Uniti iġġieldu spalla ma’ spalla. Ma setax jonqos li dan intlaqa’ tajjeb. Kienu diversi dawk li ħarġu jikkummentaw b’mod favorevoli għal dawn id-dikjarazzjonijiet. 

Lil hinn minn dawk li ħarġu jfaħħru dan id-diskors, id-domanda li trid issir hi waħda ċara ħafna. Id-diskors ta’ Rubio qiegħed juri li kien hemm xi bidla fil-politika Amerikana? Xejn minn dan. Is-sustanza tad-diskors ta’ Rubio baqgħet konformi mal-istrateġija tas-sigurtà nazzjonali Amerikana.

Minn din il-konferenza u d-diskorsi li saru ħareġ biċ-ċar li l-gwerra fl-Ukrajna  qed tkompli tkun is-sors ewlieni tad-diviżjoni bejn l-Istati Uniti. Kien f’dan il-kunflitt, li rajna l-Istati Uniti reġgħet lura l-politika tagħha, fejn għall-bidu għenet lill-Ukrewni u wara naqqset dak l-istess appoġġ. 

Hu fatt li llum l-Unjoni Ewropea hi waħidha fl-appoġġ lill-Ukrajna. Appoġġ li qiegħed jiswa flejjes kbar lill-istess Unjoni Ewropea.  Appoġġ li wassal biex illum l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tagħha iridu jaraw kif se jżidu in-nefqa’ militari.  Proprju f’dawn l-aħħar erba’ snin mindu faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna, rajna lill-Unjoni Ewropea tieħu direzzjoni totalment differenti. Għall-ewwel darba rajniha tgħin finanzjarjament u bl-armamenti lill-Ukrajna kontra ir-Russja. Indħil dirett li m’hemmx dubju li jġib implikazzjonijiet. Indħil li baqa’ jiġi imbuttat minn għadd ta’ politiċi Ewropej, fosthom il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola von der Leyen. U dan wassal biex l-istess Unjoni Ewropea tħabbar li se tkun qed tonfoq €800 biljun biex tarma lilha nfisha. Fi kliem ieħor se tarma għal gwerra.

U waqt li l-Istati Uniti iddistakkat ruħha minn dan, rajna lill-istess amministrazzjoni ta’ Trump f’okkażjonijiet diversi tpinġi lill-Unjoni Ewopra bħala li tinsab fi fatt apokalittiku. U waqt li l-Istati Uniti tgħid dań, għandna Unjoni Ewropea mifruda. Pajjiżi jiġbdu lejn naħa oħrajn jiġbdu naħa oħra. 

Ovvjament hemm min għandu interess li jara Ewropa mifruda. Hemm min għandu interess li jara Unjoni Ewroġea li fiha mhux kulħadd jiġbed l-ħabel, għax dan ikun ifisser Unjoni Ewropea aktar dgħajfa. Dan qegħdin narawh b’mod ċar fejn tidħol il-politika barranija. Unjoni Ewropea li titkellem fuq kunflitt imma mhux fuq ieħor. L-Ewropej ma jistgħux jibqgħu jaffordjaw il-lussu tad-diviżjoni. Bil-qasma fi ħdan l-istess Unjoni Ewropea, qiegħda tbati l-istess Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport