Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Alain Berset, esprima tħassib serju dwar l-eskalazzjoni perikoluża tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani fejn insista li, “hekk kif il-missili qegħdin jolqtu, il-liġi internazzjonali qiegħda tintuża bħala arma. Iċ-ċivili fl-Iran u madwar ir-reġjun qegħdin iġorru l-piż ewlieni tal-forza militari”.
Berset qal li din l-eskalazzjoni, flimkien mas-sensiela ta’ kriżijiet riċenti, tenfasizza l-ħtieġa ta’ qafas legali Ewropew komuni fil-livell tas-46 stat membru tal-Kunsill, kapaċi jiġġudika ksur tal-liġi, l-użu tal-forza u s-sanzjonijiet, filwaqt li jiżgura deċiżjonijiet kontinwi u koerenti mingħajr paraliżi.
Elabora li, “dak li darba kien suġġett ta’ diskussjoni issa sar imperattiv strateġiku. Kif rajna fil-kriżi fil-Venezwela, is-sitwazzjoni ma tistax titnaqqas għal għażla bejn kundanna u appoġġ, irrispettivament mit-tmexxija u n-natura tar-reġim f’Tehran. Qegħdin ngħixu f’fażi ta’ żarmar tal-ordni legali internazzjonali, fejn l-impulsi u l-qawwa tal-aktar b’saħħtu qegħdin jippruvaw jiddeterminaw ir-relazzjonijiet bejn l-istati. Din hija dinja mingħajr ordni legali sod, mibnija fuq il-forza u standards doppji”.
Kollass sħiħ tal-ordni legali internazzjonali
Berset qal li ħadd ma jista’ jaħbi ruħu wara l-pretensjoni li dan l-ordni qatt ma nkiser jew li l-poteri kbar ma mponewx ir-rieda tagħhom meta kien jaqblilhom. Kompla li, “dak li rajna fl-Ukrajna, f’Gaża, fil-Venezwela u b’mod differenti, fi Greenland juri żlieq lejn kollass sħiħ ta’ dak l-ordni. Spiss wisq, is-sigurtà pan-Ewropea tiddependi fuq arranġamenti ad hoc, mingħajr bażi legali komuni, mingħajr awtorità permanenti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u mingħajr strutturi li jiggarantixxu kontinwità. Din il-frammentazzjoni m’għadhiex sostenibbli”.
Insista li l-Ewropa kollha kemm hi trid taġixxi biex tnaqqas l-eskalazzjoni fil-Golf u fl-istess ħin tipproteġi s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha fir-reġjun. “Trid tinsisti fuq ir-rispett tal-liġi internazzjonali, inkluża l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Nissieħeb fl-appelli għal waqfien immedjat tal-ostilitajiet minn kull naħa”.
Wiegħed li din l-eskalazzjoni fil-Lvant Nofsani fuq l-aġenda tal-laqgħa li jmiss tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa bil-għan li tinbeda riflessjoni kollettiva dwar il-kapaċità tal-Ewropa li tirrispondi b’mod koerenti u fi ħdan qafas legali komuni.
“Iż-żmien huwa kruċjali. Jekk ma norganizzawx is-sigurtà kollettiva Ewropea fi struttura legali permanenti u vinkolanti, nibqgħu nirreaġixxu biss għal kriżijiet iffurmati minn oħrajn. L-unika alternattiva hija li nerġgħu nsaħħu s-sigurtà u l-awtorità taħt il-liġi. Il-kunflitt li qiegħed jiżvolġi bejn l-Iran u l-Iżrael u madwar il-Golf kollu, huwa prova ċara: jekk l-Ewropa tridx issawwar l-ordni li qiegħed jitwieled jew inkella tosserva passivament il-frammentazzjoni tiegħu… Jew l-Ewropa tagħżel li ssawwar l-ordni li ġej, jew tibqa’ spettatriċi tal-frammentazzjoni tiegħu. Nuqqas ta’ azzjjoni mhiex prudenza imma abdikazzjoni,” temm jissottolinja Alain Berset.



