It-theddida mill-President tal-Istati Uniti Donald Trump li jimponi tariffi ġodda fuq tmien alleati li qed jopponu l-proposta tiegħu li jieħu f’idejh il-Greenlandja ġibdet kundanna mill-mexxejja Ewropej. Il-Prim Ministru tad-Danimarka Mette Frederiksen kienet l-ewwel waħda li sostniet li “l-Ewropa mhux se tiġi rikattata” mit-theddid tariffarju ta’ Donald Trump.
Il-President tal-Istati Uniti qal li se jimponi tariffa ġdida ta’ 10% fuq oġġetti minn tmien pajjiżi alleati jekk jibqgħu jopponu l-proposta tiegħu li jieħu f’idejh it-territorju awtonomu Daniż ta’ Greenland.
Frederiksen u mexxejja Ewropej oħra ħarġu stqarrija konġunta nhar il-Ħadd, fejn qalu li t-tariffi qed jirriskjaw li jdgħajfu r-relazzjonijiet transatlantiċi u se jissugraw li r-relazzjonijiet jeħżienu b’mod perikoluż.
Ilbieraħ, Trump qal li n-NATO kienet ilha 20 sena tgħid lid-Danimarka li trid tneħħi t-theddida Russa minn Greenland. Skont Trump, id-Danimarka ma setgħet tagħmel xejn dwar dan u issa wasal iż-żmien li dan isir.
Trump għadu jinsisti li Greenland hija kruċjali għas-sigurtà tal-Istati Uniti u qal li b’mod faċli jew b’mod diffiċli kien se jikseb xorta waħda t-territorju awtonomu Daniż. Huwa ma eskludiex li juża l-forza biex jilħaq għanijietu.
It-tariffi l-ġodda l-ġodda ta’ Trump – taxxi fuq l-importazzjonijiet – se jiġu imposti fuq id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġrmanja, l-Olanda, in-Norveġja, l-Iżvezja u r-Renju Unit. Tariffa inizjali ta’ 10% se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Frar fuq kwalunkwe oġġetti mibgħuta lejn l-Istati Uniti. Din iżda tista’ tiżdied għal 25% f’Ġunju li ġej.
Madankollu, minkejja t-theddida tat-tariffi, fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom, il-mexxejja ta’ dawk it-tmien pajjiżi Ewropew tennew is-solidarjetà sħiħa tagħhom mar-renju tad-Danimarka u l-poplu ta’ Greenland.
Huma enfasizzaw ukoll l-impenn tagħhom għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-Artiku bħala interess transatlantiku kondiviż bħala membri tal-alleanza militari tan-NATO. Dan filwaqt li enfasizzaw fuq id-djalogu bbażat fuq il-prinċipji tas-sovranità u l-integrità territorjali li huma jappoġġjaw bis-sħiħ.
Nhar il-Ħadd, il-Prim Ministru tar-Renju Unit Keir Starmer qal li t-theddida tat-tariffi kienet “kompletament żbaljata”. Starmer, li s’issa żamm relazzjoni b’saħħitha ma’ Trump, qal li r-Renju Unit se jsegwi l-kwistjoni direttament mal-White House.
Filwaqt li għadu mhux ċar kif it-tariffi se jaffettwaw dawk li Trump diġà impona fuq ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea, il-President Franċiż Emmanuel Macron, li qed jaħdem biex jikkoordina r-rispons Ewropew għat-theddidiet tat-tariffi, qal li se jitlob lill-UE biex tattiva l-istrument kontra l-koerċizzjoni jekk Trump jimponihom.
Il-President tal-Istati Uniti mistenni jitkellem fil-Forum Ekonomiku Dinji f’Davos, l-Iżvizzera nhar l-Erbgħa dwar it-tema “kif nistgħu nikkooperaw f’dinja aktar ikkontestata?”.
Macron, kif ukoll il-mexxejja tal-Ġermanja u l-UE, se jattendu wkoll din il-konferenza annwali.

