Friday, March 6, 2026

L-Ewropa trid tibni l-kompetittività tagħha fuq l-investiment u impjiegi tajbin, mhux fuq it-tnaqqis fil-liġijiet

- Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Aqra wkoll

F’Marzu, waqt il-Kunsill Ewropew, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea se jiddeċiedu kif isaħħu l-kompetittività tal-Ewropa fi żmien ta’ pressjoni ekonomika dejjem tikber.

Qed jidhru żewġ approċċi differenti, waħda tenfasizza li biex isir tkabbir iridu jonqsu l-liġijiet u d-drittijiet tal-ħaddiema. L-oħra tiffoka fuq investiment strateġiku, politika industrijali koordinata u impjiegi ta’ kwalità bħala l-pedament ta’ reżiljenza fit-tul.

L-isfidi huma reali. Tensjonijiet ġeopolitiċi, problemi fil-kummerċ u kunflitti qed ipoġġu pressjoni kbira fuq l-ekonomija Ewropea. Skont ċifri tal-Kummissjoni Ewropea, fl-aħħar sentejn intilfu madwar 27,000 impjieg fil-manifattura kull xahar. U l-bidliet m’għadhomx jolqtu biss l-industrija tradizzjonali.

Malta, bħala pajjiż żgħir u b’ekonomija miftuħa ħafna, dawn il-bidliet jinħassu malajr. Aħna niddependu ħafna fuq is-swieq barranin, it-turiżmu u l-kummerċ internazzjonali. Meta jkun hemm instabbiltà barra, din tinħass ukoll f’pajjiżna. Huwa normali li l-ħaddiema jkunu mħassba.

Xi wħud jgħidu li l-problema tal-Ewropa hi li għandha wisq liġijiet u wisq protezzjoni għall-ħaddiema. Jipproponu li jiddgħajfu n-negozjati kollettivi u joħolqu sistemi ġodda għall-kumpaniji li ma jkunux marbuta mal-liġijiet nazzjonali. Iżda jekk xi proposta ddgħajjef il-liġi tax-xogħol, il-ftehim kollettivi jew ir-rappreżentanza tal-ħaddiema, tkun qed tiddgħajjef l-ekonomija, mhux tissaħħaħ.

Il-problema vera mhijiex li l-ħaddiema għandhom wisq drittijiet. Il-problema hi nuqqas ta’ investiment u nuqqas ta’ pjan industrijali ċar u maqbul bejn il-pajjiżi.

Illum, ħafna kumpaniji fl-Ewropa qed jużaw il-profitti tagħhom biex iħallsu dividendi jew jixtru lura l-ishma, minflok jinvestu fl-iżvilupp u t-tkabbir. Fl-istess ħin, l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa hu inqas minn dak ta’ pajjiżi oħra kbar. Hawnhekk tinsab il-problema fil-kompetittività.

Mill-perspettiva tal-General Workers’ Union, il-kompetittività trid tittieħed fil-kuntest ekonomiku kollu tagħha. Il-pagi mhumiex sempliċiment spejjeż. Huma jsostsnu d-domanda fil-pajjiż, jgħinu lin-negozji lokali u joħolqu inċentivi biex il-kumpaniji jinvestu. Meta l-pagi jikbru b’mod responsabbli flimkien mal-produttività, l-ekonomija tissaħħaħ. Meta l-pagi jitrażżnu, id-domanda tonqos u l-investiment ibati.

Sistemi b’saħħithom ta’ negozjar kollettiv jikkontribwixxu għall-istabbiltà u l-prevedibbiltà fir-relazzjonijiet tax-xogħol. Mhumiex ostaklu għall-kompetittività; huma parti mill-infrastruttura tagħha.

L-Ewropa teħtieġ qabża fl-investiment, inklużi strumenti komuni ta’ finanzjament Ewropew flimkien ma’ leġiżlazzjoni li ssaħħaħ l-impjiegi ta’ kwalità f’setturi differenti. Att dwar l-Impjiegi ta’ Kwalità għandu jgħolli l-istandards, jindirizza n-nuqqasijiet fil-kwalità tal-impjiegi u jappoġġja t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali b’mod strutturat u ġust.

Anke l-liġi tal-akkwist pubbliku għandha tevolvi. Il-fondi pubbliċi għandhom jappoġġjaw intrapriżi li joħolqu mpjiegi ta’ kwalità, jinvestu fil-ħiliet u jirrispettaw id-djalogu soċjali. L-orħos offerta mhux neċessarjament tirrappreżenta l-aħjar valur għas-soċjetà.

Il-kompetittività tinbena wkoll fuq servizzi pubbliċi b’saħħithom. Edukazzjoni tajba tgħin fl-innovazzjoni u l-ħiliet. Sistema tas-saħħa tajba żżomm lill-ħaddiema produttivi. Infrastruttura moderna tgħin il-kummerċ u l-industrija. Istituzzjonijiet stabbli u liġijiet infurzati sew jiżguraw kompetizzjoni ġusta. Dawn huma essenzjali.

Meta l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea jiltaqgħu fi Brussell, Malta għandha tappoġġja approċċ bilanċjat. Ekonomija b’saħħitha u standards soċjali tajbin jimxu flimkien. Strateġija bbażata fuq investiment, produttività u impjiegi ta’ kwalità hi aktar sostenibbli minn waħda bbażata biss fuq it-tnaqqis tal-liġijiet.

Il-kompetittività tal-Ewropa ma tissaħħaħx billi jiddgħajfu d-drittijiet. Tissaħħaħ l-ekonomija reali u jkun assigurat li t-tkabbir iwassal għal stabbiltà, reżiljenza u prosperità għal kulħadd.

Din hija d-direzzjoni li jistħoqqilha l-appoġġ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport