Thursday, December 26, 2024

L-Ewropa żżomm postha bħala l-aqwa reġjun fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fuq skala globali, fl-2024 id-differenza bejn il-ġeneri rriżultat li hija ta’ 68.5%, avvanz ta’ 0.1% mis-sena l-oħra. Il-Forum Ekonomiku Dinji (WEF) attribwixxa dan l-avvanz għall-fatt li kien hemm żieda “modesta” fl-opportunitajiet u fil-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija.

Fi studju ppubblikat din il-ġimgħa, dan il-Forum qiegħed jikkalkula però, li d-differenza bejn iż-żewġ ġeneri globalment tista’ tkun eliminata 134 sena oħra, perjodu relattivament twil ħafna meta wieħed iqis “id-dinja progressiva” li nisħqu li qegħdin ngħixu fiha. F’dan ix-xenarju, lat pożittiv huwa li l-kontinent Ewropew tagħna, żamm postu bħala l-aqwa reġjun fid-dinja fejn tidħol l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

Is-sena 2024 hija sena li fiha għadd ta’ elezzjonijiet f’diversi pajjiżi u dan il-fattur qiegħed jitqies bħala opportunità biex isir progress fl-ambitù tad-differenza bejn il-ġeneri. Iżda, skont dan l-aħħar studju mill-WEF it-triq għadha twila tant li huwa kkakolat li jridu jilħqu ħames ġenerazzjonijiet oħra biex din id-differenza tispiċċa.

Il-fatt li hemm dawn l-elezzjonijiet kollha, din l-organizzazzjoni non governattiva qiegħda tittama li tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa fl-isfera politika. Filwaqt li tirrikonoxxi li fl-aħħar sena l-inugwaljanza bejn il-ġeneri fuq skala globali naqset bi ftit, jirriżulta li dan il-momentum pożittiv naqqas mir-ritmu li kellu – fl-2023 kien ikkallkulat li se nilħqu l-mira tal-ugwaljanza fi żmien 131 sena iżda dan, issa, tela’ għal 134 sena.

L-akbar sfida hija fl-ambitù politiku…

“Ma nistgħux nistennew sal-2158 għall-ugwaljanza. Iż-żmien għal azzjoni deċisiva huwa issa.” Hekk iddikjarat fir-rigward id-Direttur tal-WEF, Saadia Zahidi. Tajjeb li ngħidu li r-rapport tal-WEF, li huwa indiċi li jikkalkula d-differenza bejn il-ġeneri, issa daħal fit-18-il sena tiegħu.

Dan huwa bbażat fuq erba’ pilastri li huma: il-parteċipazzjoni u l-opportunitajiet; l-edukazzjoni; is-saħħa u s-sopravivenza; u finalment, is-setgħa politika. L-ambitù politiku ġie identifikat bħala l-aktar settur li fih żbilanċ bejn iż-żewġ ġeneri u dan minkejja żieda żgħira fuq livell kemm federali kif ukoll dak lokali.

Huwa proprju l-fatt li se jkun hemm kważi nofs il-popolazzjoni dinjija li din is-sena se tkun qiegħda tivvota, li x-xena politika qiegħda titqies bħala waħda ta’ potenzjal sinifikanti għal titjieb f’dan il-qasam.

Ir-rapport fir-rigward sostna li, “b’aktar minn 60 elezzjonijiet nazzjonali fl-2024 u l-akbar votazzjoni globali fl-Istorja, ir-rappreżentanza tan-nisa u l-inugwaljanza b’mod ġenerali, jistgħu jkunu ibbilanċjati aħjar”.

Wieħed jinnota li din ix-xejra hija possibbli hekk kif ftit ta’ ġranet ilu l-Messiku eleġġa l-ewwel president mara, lil Claudia Sheinbaum li fil-kampanja tagħha wegħdet li tnaqqas il-vjolenza fuq in-nisa.

Dan seħħ jum wara li l-elettorat tal-Iżlanda għażel bħala president tiegħu lin-negozjanta Halla Tomasdottir li min-naħa tagħha se taħdem biex ir-rappreżentanza tan-nisa fis-settur tas-servizzi finanzjarji, tiżdied.

Kif ikklassifikaw il-pajjiżi

Id-Direttur tal-WEF, Saadia Zahidi, spjegat li għalkemm hemm titjieb żgħir, ir-ritmu li bih qiegħed issir l-avvanz huwa bil-mod wisq. Sostniet li dan juri l-urġenza li hemm għal ħidma globali biex niksbu l-ugwaljanza bejn is-sessi u dan b’mod partikolari fl-ambiti ekonomiċi u politiċi.

Lat pożittiv u ta’ eżempju huwa l-kontinent Ewropew, li Malta hija parti minnu. Dan għax għal darb’oħra rriżulta fuq quddiemnett fejn tidħol l-ugwaljanza bejn is-sessi. L-Iżlanda ġiet fl-ewwel post fid-dinja bħala l-pajjiż bl-akbar ugwaljanza.

Għal 15-il sena konsekuttivi dan il-pajjiż huwa l-uniku pajjiż li naqqas id-differenza bejn il-ġeneri b’93.5%. Wara l-Iżlanda, l-aqwa 10 pajjiżi rriżultaw li huma l-Filandja, in-Norveġja, New Zealand, l-Isvezja, in-Nikaragwa, il-Ġermanja, Namibia, l-Irlanda u Spanja.

Filwaqt li ebda pajjiż għadu ma kiseb ugwaljanza bejn il-ġeneri mija fil-mija, l-ewwel 10 pajjiżi naqsu d-differenza b’mill-inqas 80%. L-istudju wera li l-Ewropa tkompli tkun fl-ewwel post fuq livell reġjonali b’75% ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri. Dan ipoġġi lill-kontinent tagħna qabel l-Amerika ta’ fuq fejn jirriżulta li d-differenza tnaqqset b’74.8%.

L-Amerika Latina kklassifikat fit-tielet post b’punteġġ ta’ 74.2% u hija l-aktar reġjun li tejjeb ir-riżultati tiegħu minn mindu beda jiġi kkalkolat dan l-indiċi.
L-Asja tal-Lvant u l-Paċifiku sadanittant irreġistraw punteġġ ta’ 69.2%, ftit aktar mill-Asja Ċentrali (69.1%), l-Afrika sub-Saħarjana li naqqset l-inugwaljanza bejn il-ġeneri b’68.4% u n-Nofsinhar tal-Asja li rreġistra punteġġ ta’ 63.7%. Il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq ikklassifikaw l-aħħar b’61.7%.

Ekonomija

Sport