Wednesday, September 17, 2025

L-Ewroparlamentari Daniel Attard f’taħdidiet mal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Turiżmu Sostenibbli

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard, in-negozjatur ewlieni tal-Parlament Ewropew dwar it-turiżmu sostenibbli, kellu laqgħat ma’ Apostolos Tzitzikostas, Kummissarju Ewropew għat-Trasport u t-Turiżmu Sostenibbli, u ma’ Glenn Micallef, Kummissarju Ewropew għall-Ekwità Interġenerazzjonali, iż-Żgħażagħ, il-Kultura, u l-Isport, biex imexxi ’l quddiem ix-xogħol fuq l-istrateġija l-ġdida Ewropea dwar it-turiżmu sostenibbli li għandha titnieda f’nofs l-2026.

Attard tenna li l-kultura hi l-qofol tal-identità tagħna bħala popli Ewropej, u l-pedament ta’ turiżmu ta’ kwalità. F’dan il-kuntest, saħaq fuq l-importanza li jiġu rikonoxxuti l-voluntiera u l-komunitajiet li b’impenn u dedikazzjoni jżommu l-wirt kulturali tagħna ħaj.

It-taħdidiet mal-Kummissarji ffukaw fuq il-pedamenti ewlenin tat-turiżmu sostenibbli: il-kultura, il-konnettività, l-iżvilupp reġjonali u l-immaniġġjar tad-destinazzjonijiet. Attard semma wkoll l-isfidi komuni li qed jiffaċċjaw ħafna reġjuni fl-Ewropa, fosthom nuqqas ta’ infrastruttura adegwata, il-pressjoni mill-kirjiet ta’ akkommodazzjoni għal żmien qasir, il-ġestjoni tal-iskart u l-protezzjoni ambjentali.

“It-turiżmu mhuwiex il-problema, imma huwa parti mis-soluzzjoni. It-turiżmu jsostni l-ġid ekonomiku tagħna u joħloq opportunitajiet fil-komunitajiet. Imma biex nassiguraw il-futur tiegħu rridu nindirizzaw il-pressjonijiet li jirriżultaw minnu: mill-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni sal-konnettività, mill-protezzjoni tal-ambjent sal-preservazzjoni kulturali.

Daniel Attard ikkonkluda b’messaġġ ċar: ma rridux inwaqqfu t-tkabbir, iżda niżguraw li t-tkabbir isir fid-direzzjoni t-tajba: b’mod sostenibbli, reżiljenti u awtentiku”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport