Daniel Attard jiltaqa’ mar-rappreżentanti tal-komunità Iranjana f’Malta u jsaħħaħ l-appell għal azzjoni Ewropea
L-Ewroparlamentari Daniel Attard, Viċi President tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Iran, iltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-komunità Iranjana f’Malta biex jiddiskutu s-sitwazzjoni allarmanti fl-Iran u l-bżonn urġenti ta’ rispons u azzjoni internazzjonali.
Matul il-laqgħa ġie diskuss l-impatt tar-ripressjoni kontinwa, inkluż l-arresti arbitrarji, il-vjolenza, u l-qtugħ tal-internet u tal-mezzi tal-komunikazzjon biex ir-reġim ibeżża’, isikket u jiċċensura lill-poplu. Id-diskussjoni ffukat fuq is-sitwazzjoni tan-nisa, iż-żgħażagħ, is-soċjetà ċivili u l-minoranzi etniċi u reliġjużi, kif ukoll fuq ir-responsabbiltà tal-komunità internazzjonali li tiddefendi d-drittijiet fundamentali u tiġġieled l-impunità.
Il-laqgħa ġiet fi tmiem ġimgħa deċiżiva fil-Parlament Ewropew, li adotta b’maġġoranza kbira riżoluzzjoni li tikkundanna r-ripressjoni brutali kontra d-dimostranti fl-Iran. Ir-riżoluzzjoni, iffirmata wkoll minn Attard fi rwol tiegħu ta’ Viċi President tad-Delegazzjoni għall-Iran, titlob azzjoni konkreta mill-Unjoni Ewropea, inkluż sanzjonijiet fuq ir-reġim u fuq dawk involuti fil-qtil u r-ripressjoni, investigazzjoni internazzjonali, u li l-Korp tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iranjana (IRGC) jitqiesu bħala organizzazzjoni terroristika.
Fid-diskors tiegħu fil-plenarja qabel il-vot, Attard saħaq li dak li qed jiġri fl-Iran mhuwiex sempliċi instabbiltà jew protesti iżolati, iżda ripressjoni sistematika, fejn il-ġustizzja qed tintuża bħala arma kontra l-poplu.
Attard qajjem ukoll is-suġġett direttament mal-President tal-Kunsill Ewropew, u appella għal soluzzjoni fil-Kunsill sabiex l-UE tkun tista’ tipproċedi b’azzjoni deċiżiva. Huwa wissa li kull dewmien ikun qed jgħin lil min qed jikser id-drittijiet tal-bniedem.
“Il-Parlament Ewropew tkellem b’mod ċar,” qal Attard. “Issa wasal iż-żmien li l-Kunsill jallinja ruħu u l-Kummissjoni taġixxi.”
Attard ġedded l-impenn tiegħu li jkompli jaħdem favur il-ġustizzja, il-libertà u d-dinjità tal-poplu Iranjan, filwaqt li enfasizza li l-futur tal-Iran għandu jiddeċiedih il-poplu, fid-diversità kollha tiegħu.

