Saturday, December 21, 2024

L-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard: Kelliem Ewlieni f’Konferenza Internazzjonali dwar l-Industrija tal-Bastimenti u t-Turiżmu Nawtiku

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Daniel Attard kien mistieden sabiex ikun il-Kelliem Ewlieni waqt l-64 edizzjoni tas-‘Salone Nautico” f’Genova, l-Italja – waħda mill-akbar avvenimenti fid-dinja tal-industrija tal-bastimenti.

Bħala rappreżentant ta’ Malta, pajjiż gżira fejn il-baħar huwa parti integrali mill-identità tagħha, Daniel Attard  saħaq fuq ir-rwol kruċjali li l-industrija tal-bastimenti għandha fl-ekonomija Ewropea u fil-futur tagħha.

“L-industrija tal-bastimenti fl-Ewropa ssostni aktar minn miljun impjieg u tiġġenera €23 biljun kull sena,” qal Dr Attard. “Għal ekonomiji bħal dawk ta’ Malta, il-bastimenti huma essenzjali mhux biss għat-trasport imma wkoll għat-turiżmu, il-kummerċ, u s-sostenibbiltà.”

F’dan il-kuntest, Daniel Attard saħaq li filwaqt li rridu nilħqu l-miri ambjentali, l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura li fil-proċess ma timminax il-kompetittività tal-industrija. Dan b’mod speċjali meta wieħed jinnota li l-Ewropa tipproduċi mas-66,000 bastiment ġdid kull sena.

L-Ewroparlamentari Laburista semma’ inizjattivi li diġà rnexxew; bħall-proġett shore-to-ship li kien iffinanzjat mill-UE u li naqqas drastikament l-emissjonijiet madwar il-Port il-Kbir ta’ Malta; bħala mudell għat-triq ’il quddiem.

Matul id-diskors tiegħu, Dr Attard enfasizza wkoll il-ħtieġa li jkollna rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji nawtiċi madwar l-UE biex titjieb l-effiċjenza u l-mobilità fis-settur.

L-Ewroparlamentari Daniel Attard ikkonkluda li t-tradizzjoni u l-innovazzjoni għandhom jikkumplimentaw, mhux jimminaw lil xulxin, biex tassew nissalvagwardjaw l-ibħra tagħna filwaqt li niżguraw li l-industrija tal-bastimenti tibqa’ pilastru tal-ekonomija Ewropea.

Ekonomija

Sport