Ivvjaġġajt lejn il-Provinċja ta’ Hubei fiċ-Ċina f’Ottubru 2025 bħala parti minn grupp internazzjonali mistieden jattendi għaċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-Festival Internazzjonali tal-Kultura tat-Tai Chi ta’ Wudang 2025, flimkien ma’ attivitajiet ta’ skambju turistiku relatati. Dan l-ewwel artiklu jiffoka fuq iż-żjara tagħna fil-belt ta’ Shiyan bejn il-25 u t-28 ta’ Ottubru.

Shiyan tinsab fil-periferija tal-Muntanji ta’ Wudang, pajsaġġ iffurmat mill-filosofija Taoista u mit-tradizzjoni tal-arti marzjali. Il-lukanda Narada Wudangshan Hubei, magħrufa wkoll bħala Junlan Hotel, kienet post ideali għall-programm ippjanat, minħabba li kienet qrib kemm tal-ajruport u tal-istazzjon tal-ferrovija, kif ukoll għas-siti prinċipali ta’ dik iż-żona.
Il-ftuħ tal-festival ġie organizzat ġewwa l-Palazz Yuxu. Minkejja l-mogħdija taż-żmien u anki ħsarat li ġarrab minħabba nirien u għargħar li seħħew matul is-snin, dan is-sit storiku għadu jispira bil-kobor tiegħu. Malli wasalna, ġejna milqugħa mill-ħsejjes qawwija ta’ tnabar kbar u minn mijiet ta’ żgħażagħ li kienu qed jipprattikaw it-Tai Chi u jinterpretaw xeni tradizzjonali ta’ Wudang fil-wesgħat tal-palazz. Wara, sar il-ftuħ uffiċjali b’diskorsi u programm ta’ kant u żfin mill-isbaħ.

Dakinhar stess, wara nofsinhar, żorna ż-żona panoramika tal-Muntanja Wudang. Iċ-ċpar kien qed jgħatti l-quċċata hekk kif tlajna l-ewwel parti bil-cable car u l-bqija bil-mixi fuq meded twal ta’ taraġ. Matul triqitna feġġew tempji u santwarji. Fil-quċċata, sibna s-Sala tad-Deheb, li kienet tassew impressjonanti speċjalment f’dak l-għoli kollu.
Filgħaxija attendejna għall-wirja A Dream of Wudang ġewwa teatru kbir fil-Wudang Dream Park. Il-produzzjoni laqtitna ferm, l-aktar minħabba l-effetti diġitali użati, fosthom projezzjonijiet olografiċi. L-ispettaklu mbagħad kompla barra fejn tpaxxejna bil-parati li saru u b’wirja ta’ għadd ta’ drones li mlew is-smewwiet b’forom ta’ draguni mlewnin u personaġġi jagħmlu t-Tai Chi.

L-għodwa ta’ wara bdiet bil-Konferenza Internazzjonali ta’ Kooperazzjoni u Skambju tal-Aġenziji tal-Ivvjaġġar Zhiyin Hubei–Wudang, fejn id-diskussjonijiet iffukaw fuq it-turiżmu kulturali u kollaborazzjonijiet futuri. Wara żorna l-Mużew tal-Muntanja Wudang, li pprovda qafas storiku tal-inħawi permezz ta’ kważi elfejn artefatt relatati mat-Taoiżmu, l-arkitettura, ir-ritwali u l-arti marzjali.
Aktar tard, żorna l-Palazz Yuzhen li llum jinsab fuq art ogħla, wara interventi ta’ konservazzjoni li refgħu l-istruttura kollha biex tiġi protetta minn livelli ta’ ilma li qed jogħlew. Ġewwa dan il-kumpless storiku, ħadna sehem f’sessjoni ta’ Tai Chi mmexxija minn għalliem espert lokali. Din kienet tassew esperjenza indimentikabbli, li għenitna nħossu b’mod aktar profond l-ispirtu ta’ din l-arti marzjali.

Fit-tielet jum ivvjaġġajna bil-kowċ lejn il-Kontea ta’ Zhushan, fejn għaddejna minn widien muntanjużi sakemm wasalna sal-Belt Antika ta’ Shangyong ħdejn il-Lag Shengshui, fejn irkibna dgħajsa tradizzjonali u gawdejna ftit il-pajsaġġ. Zhushan hija magħrufa ferm għat-turkważ, li hija ġebla prezzjuża ta’ kulur blu fl-aħdar. Fiċ-Ċentru Internazzjonali tal-Kummerċ tat-Turkważ ta’ Majiadu deher biċ-ċar il-kobor ta’ din l-industrija fejn rajna kemm ġebel mhux maħdum ta’ kull daqs, sa ġojjellerija rfinata.
Komplejna nsuqu lejn il-Kontea ta’ Zhuxi, fejn qgħadna fil-lukanda Taohua Island Rammed Earth Town Homestay. Kemm il-bini tagħha tradizzjonali bil-ġebel u bl-injam, kif ukoll il-ġonna u l-istatwi tal-fuħħar li kienet mogħnija bihom, taw laqta tassew speċjali lil din il-lukanda. Dak il-lejl, biex niddevertu ftit, ħaduna nżuru l-Wuling Never Sleeps City; post mimli dwal u mużika li kien tassew jikkuntrasta mas-silenzju u l-ġabra tal-lukanda li striħajna fiha għal dak il-lejl.
L-għada filgħodu żorna r-Rammed Earth Town tul ix-Xmara Longwang, fejn stajna napprezzaw tekniki tradizzjonali tal-bini. Imbagħad ħaduna fit-Taohua Island Oil Mill Museum, fejn osservajna prattiki lokali tal-ippressar taż-żejt.

Fl-aħħar jum tagħna f’Shiyan sibna ruħna fil-Kontea ta’ Fang, magħrufa għall-inbid isfar tar-ross. Żorna l-Huatian Jiuxi Yellow Wine Folk Culture Village, fejn għadhom jintużaw metodi tradizzjonali. Wara waqafna għand il-Beijing Zhonghe Fangxian Biological Food Co., Ltd., li hija faċilità moderna ta’ produzzjoni ta’ dan l-inbid. Min-naħa l-oħra, il-Luling King Winery kienet tinsab f’binja tassew prominenti li fiha kellha saħansitra mużew tal-istorja kulturali tal-inbid tar-reġjun. Il-jum intemm bi żjara fil-Mużew tal-Arti Luo Guoshi, qabel waqafna għal lejl ġewwa l-lukanda Echeng.
Shiyan offritilna introduzzjoni ċara u soda għal Hubei permezz tal-pajsaġġi tagħha, it-tradizzjonijiet u s-snajja’. Flimkien mal-gwidi lokali tagħna, issa konna ppreparati biex nipproċedu għall-belt ta’ Suizhou.

Ikompli…
Din iż-żjara ġiet organizzata u sponsorjata mill-Ministeru tal-Kultura u t-Turiżmu tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, iċ-Ċentru Ċiniż għall-Iskambju Kulturali u t-Turiżmu Internazzjonali, id-Dipartiment Provinċjali tal-Kultura u t-Turiżmu ta’ Hubei, u l-Uffiċċji tal-Kultura u t-Turiżmu ta’ Shiyan u Suizhou.


