Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, ħabbret l-ewwel edizzjoni ta’ Festa Tonn, festival li se jsir f’Marsaskala, nhar is-Sibt 7 ta’ Ġunju. L-għan ta’ dan il-festival huwa sabiex jiġi ċċelebrat is-settur tas-sajd f’Malta, b’mod partikolari l-industrija tat-tonn, kif ukoll sabiex jitqajjem iżjed għarfien dwar l-importanza tas-sajd sostenibbli u l-wirt marittimu Malti.
Festa Tonn se tinkludi ġurnata mimlija avvenimenti għall-familja kollha, b’attivitajiet edukattivi, stands tal-ikel relatati mat-tonn, stands edukattivi, mużika live u kompetizzjoni tas-sajd. Se jkun hemm ukoll spazju ddedikat għat-tfal.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said saħqet, “Permezz ta’ Festa Tonn, in-nies se jkunu jistgħu jgawdu l-frott tal-baħar tagħna, jifhmu aktar il-ħidma tas-sajjieda u japprezzaw is-sbuħija ta’ dak kollu marbut mal-baħar u l-kultura tagħna. Dan mhux biss avveniment imma huwa ċelebrazzjoni tal-identità tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari rringrazzjat lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala, id-dipartiment tal-avvenimenti fi ħdan il-Ministeru u l-għaqdiet kollha li huma involuti biex jittella’ dan l-avveniment. Festa Tonn mistennija tattira bosta viżitaturi u hija parti minn katina ta’ avvenimenti mmirati li jkomplu jqajmu għarfien u jsaħħu s-settur tas-sajd.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Marsaskala, Mario Calleja, qal, “Flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd u l-Akwakultura qed inħabbru avveniment sajfi u marbut mat-tonn frisk li se jsir fil-lokal tagħna. Apparti s-sehem tan-negozji lokali, se jkun hemm divertiment ieħor bħal mużika, kif ukoll xi bankarelli b’artiġġjanat Malti. Se naraw ukoll is-sehem ta’ għaqdiet volontarji bħal l-għaqda tal-armar tal-festa tar-raħal tagħna.”
Hu żied li, “Marsaskala minn dejjem kien meqjus bħala villaġġ tas-sajjieda. Minkejja li n-numru naqas, xorta waħda wieħed jara numru ta’ sajjieda full-time u part-time kif ukoll dilettanti tal-baħar. Dan l-aħħar, bl-għajnuna Segretarjat Parlamentari għas-Sajd u l-Akwakultura rajna wkoll twaħħil ta’ pillars u winchroom ġdida biex dawk id-dilettanti tal-baħar jaħdmu aktar komdi u b’inqas tbatija. Inħarsu ’l quddiem sabiex Festa Tonn, li qed tittella’ b’kollaborazzjoni mal-kunsill lokali, tkun ta’ suċċess.”
Min-naħa tagħha, id-Direttur għas-Servizzi ta’ Sapport fil-Ministeru għas-Sajd, l-Agrikoltura u d-Drittijiet tal-Annimali, Estelle Sant, qalet “L-attivitajiet differenti li qed norganizzaw matul is-sena huma mezz biex nagħtu ġieħ lis-sajjieda, bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin. Ilkoll nafu li dawn jaħdmu bla waqfien sabiex jagħtuna prodotti friski fuq il-platt tagħna ta’ kuljum. Inħeġġu lil kulħadd sabiex jattendi din il-festa tant sabiħa.”
Festa Tonn se tittella’ s-Sibt, 7 ta’ Ġunju mill-11 ta’ filgħodu ’l quddiem fi Triq ix-Xatt, Marsaskala.