Friday, April 12, 2024

L-ewwel edizzjoni ta’ MARA hija ċelebrazzjoni ta’ dak li intom bħala nisa – Dr Lydia Abela

Aqra wkoll

Il-mara għandna niċċelebrawha kuljum u mhux biss f’Jum il-Mara. Għalkemm il-mara mxiet ferm ‘il quddiem tul dawn l-aħħar snin, irridu naħdmu iżjed għal soċjetà iżjed inklussiva ta’ kuljum. Kien dan il-messaġġ ta’ Dr Lydia Abela fl-għeluq tal-ewwel edizzjoni tal-inizjattiva MARA li xahar ilu xprunat il-ħsieb li n-nisa kollha f’pajjiżna jkunu rikonoxxuti għas-sehem tagħhom fis-soċjetà.

Fil-preżenza ta’ bosta sindki, nisa li ġew rikonoxxuti u għadd ta’ mistiedna oħra f’Villa Francia, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela qalet li din iċ-ċelebrazzjoni hija xhieda tal-irwol importanti li għandha l-mara f’pajjiżna. “Xhieda wkoll kontu intom illum tal-valuri altruwisti li tħaddan il-mara Maltija.

Minkejja li l-istejjer li esperjenzajna llum kienu diversi, hemm ħaġa komuni bejnietkom in-nisa kollha: li tħarsu l-bżonnijiet ta’ ħaddieħor u li taħsbu f’ħaddieħor, ħafna drabi qabilkom stess,” qalet mart il-Prim Ministru. Spjegat kif irridu nisħqu aktar fuq l-importanza tal-indipendenza tal-mara. “Niltaqa’ ma nies li jgħiduli m’għadekx taħdem hux? Filwaqt li nweġibhom li lil familja nagħtiha kull appoġġ ma jfissirx li npoġġi fil-ġenb dak li jien investejt fih f’żogħżiti, l-istudju u l-karriera tiegħi,” irrimarkat Dr Abela.

Preċiżament xahar qabel dan il-jum, Dr Lydia Abela kienet nediet għall-ewwel darba Premju Mara 2023/2024; premju li llum fit-8 ta’ Marzu rrikonoxxa mara minn kull lokalità f’pajjiżna.

Fost dawk li ġew rikonoxxuti, il-premju ngħata lil nisa minn kull faxxa tas-soċjetà u minn setturi varji. Minn żagħżugħa li tilfet lil xi ħadd għażiż għaliha u ħasbet kif tgħaqqad iżjed il-komunità li tgħix fiha, għal infermiera li baqgħet tagħti kontribut anki wara li spiċċat mid-dinja tax-xogħol.

Minn mara nieqsa mid-dawl li minkejja l-isfidi tagħha, tgħin lill-oħtha f’dak meħtieġ, għal omm li tilfet l-unika wild tagħha u baqgħet involuta fil-volontarjat.

F’din l-attività, Dr Abela kellha l-opportunità tiltaqa’ ma’ dawn in-nisa u tisma’ l-istejjer ta’ suċċess tagħhom filwaqt li kien mument ta’ ċelebrazzjoni għal kisbiet uniċi li wettqu n-nisa.

“Intom nisa b’saħħitkom, kapaċi u mimlijin talent. Dak it-talent ittuh qatt il-ġenb, għax biex tħobbu lil ħaddieħor tridu tħobbu lilkom infuskom. Forsi li kieku ma kienx għal dan il-premju, iċ-ċans kbir kien ikun li dawn l-istejjer kieku jibqgħu mistura. L-iskop ta’ MARA kien li dawn l-istejjer intellgħuhom fil-wiċċ,” temmet tgħid mart il-Prim Ministru.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli spjegat li l-Jum Internazzjonali tal-Mara hija ġurnata fis-sena fejn issir enfasi fuq l-importanza tal-ugwaljanza u elenkat il-kontribut li taw il-kunsilli lokali sabiex jiġu rikonoxxuti nisa mil-lokalitajiet minn Malta u Għawdex għall-ħidma tagħhom u l-effett pożittiv li ħallew fil-komunitajiet rispettivi tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet li n-nisa li ġew onorati b’dan il-premju, huma eżempju wieħed mill-ħafna, tan-nisa Maltin li qegħdin jagħtu kontribut siwi fil-komunitajiet tagħna biex flimkien inkomplu nagħmlu Malta aħjar u aktar ugwali u inklussiva.

Ekonomija

Sport