Il-Malta Maritime Awards huma pjattaforma biex jiġi rikonoxxut ix-xogħol u d-dedikazzjoni ta’ dawk l-individwi u kumpaniji li taw kontribut għat-twaqqif ta’ Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza marittima.
Dan qalu l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia hekk kif ħabbar l-ewwel Malta Maritime Awards li se jsiru waqt il-Malta Maritime Summit Week f’Ottubru ta’ din is-sena.
“Is-settur marittimu huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija Maltija u huwa settur kruċjali għall-konnettività tal-gżira mal-bqija tad-dinja. Matul is-snin, tħabbru numru ta’ stejjer ta’ suċċess, bħal ġurisdizzjoni ewlenija għar-reġistrazzjoni ta’ vapuri u jottijiet, transhipment hub ewlieni fil-Mediterran, port ewlieni għall-cruise liners u pajjiż li joffri faċilitajiet ewlenin ta’ tiswija ta’ vapuri u jottijiet. Dawn l-istejjer ta’ suċċess kollha huma konferma li Malta qed tistabbilixxi ruħha bħala ċentru ta’ eċċellenza marittima. Dan kien possibbli biss grazzi għad-dedikazzjoni u l-impenn ta’ ħafna nies li jaħdmu biex ipoġġu lil Malta fuq il-mappa dinjija,” qal il-Ministru Farrugia.
Il-Malta Maritime Awards se jkun avveniment li jiċċelebra l-istorja twila ta’ suċċess tal-industrija marittima iżda wkoll se jservi bħala pjattaforma biex joffri aktar motivazzjoni lill-ġenerazzjoni żagħżugħa biex tersaq u tibda karriera fil-qasam marittimu. Se tkun qed tingħata wkoll aktar viżibbiltà lil dawk li jirrappreżentaw din l-industrija u l-importanza tagħha għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Il-Malta Maritime Summit se jkun organizzat bejn it-3 u s-7 ta’ Ottubru li ġej. Din il-konferenza ta’ ġimgħa se tlaqqa’ bosta stakeholders – uħud internazzjonali – biex jiddiskutu l-isfidi u l-opportunitajiet li qed tiffaċċja din l-industrija flimkien mat-triq ’il quddiem lejn settur marittimu aktar sostenibbli u reżiljenti. F’konformità mal-istrateġija tal-gvern, se tingħata attenzjoni speċjali lis-sostenibbiltà, id-diġitalizzazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi.
“Il-kultura tagħna dejjem kienet intrinsikament marbuta mal-baħar minħabba l-pożizzjoni ġeografika ta’ gżiritna. Storikament, Malta dejjem kienet ċentru ta’ kummerċ marittimu u saħansitra serviet bħala bażi navali għal ħafna snin. Hekk kif is-settur marittimu qed ikompli jevolvi, hekk ukoll pajjiżna jrid juri r-rieda tiegħu li jindirizza dawn l-isfidi ġodda,” qal il-Ministru Farrugia.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta l-Brigadier Jeffrey Curmi, ir-Reġistratur Ġenerali tat-Tbaħħir fi ħdan Transport Malta Ivan Sammut u l-Kap Eżekuttiv ta’ GM Interational Services John Gauci Maistre.