Monday, May 13, 2024

L-ewwel fatalità seħħet din is-sena … L-aktar komuni huma kollużjonijiet minuri

Minn mindu nfetħet is-Central Link

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Is-Central Link huwa proġett kbir li sar f’pajjiżna li wassal biex l-influs tat-traffiku jiġi ffaċilitat ħafna aktar. L-istess influs ta’ karozzi, bħal kull triq oħra, xi drabi jirriżulta f’inċidenti tat-traffiku. Fil-fatt, minn mindu fetħet is-Central Link, jiġifieri fl-2020, l-aktar inċidenti komuni kienu dawk minuri fejn għalihom daħlet il-LESA. Iżda fis-sena 2023, sfortunatament, kellna l-ewwel inċident tat-traffiku li rriżulta f’fatalità u dan seħħ fi Triq Tumas Chetcuti.

Minn tagħrif mogħti fil-Parlament mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, irriżulta li fis-sena tal-ftuħ tas-Central Link, fl-2020, ma kien hemm ebda inċident fatali fit-Triq Hanibal, fi Triq l-Imdina, fi Triq Tumas Chetcuti u lanqas fi Triq Nutar Zarb.

Fl-istess sena, minn tabella li ppreżenta l-Ministru Camilleri, jirriżulta li l-inċidenti tat-traffiku bil-feriti kienu disgħa mentri oħrajn li kienu sempliċi jew li kienu jinvolvu proprjetà tal-Gvern ammontaw għal 25. F’dawn iż-żewġ każijiet kien hemm bżonn l-intervent tal-pulizija.

Mentri, l-inċidenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà u fihom intervjenew uffiċjali tal-LESA minħabba kollużjonijiet minuri, ammontaw għal 74 każ. Għaldaqstant, it-total ta’ inċidenti fl-ewwel sena tal-ftuħ tas-Central Link, kien ta’ 108.

Is-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2021, ukoll irriżulta li ma kien hemm ebda inċident fatali. L-inċidenti tat-traffiku bil-feriti kienu 14 mentri dawk sempliċi jew li nvolvew proprjetà tal-Gvern ammontaw għal 22 wieħed. Fejn jirrigwardja l-kollużjonijiet minuri fis-sena msemmija kien hemm 39 u b’hekk it-total ta’ inċidenti irreġistrati f’din is-sena fis-Central Link kien ta’ 75.

Is-sena l-oħra wkoll ma kien hemm ebda fatalità u l-ammont tal-persuni feruti f’inċidenti tat-traffiku fis-Central Link niżel għal ħamsa. Dawk sempliċi jew li nvolvew proprjetà tal-Gvern kienu 27. Min-naħa l-oħra, l-kollużjonijiet minuri telgħu għal 66 biex it-total ta’ inċidenti tat-traffiku fis-Central link għal 2022 kien ta’ 98.

Mill-bidu ta’ din is-sena sal-31 ta’ Mejju, kif semmejna, seħħ inċident fatali wieħed, sitt inċidenti tat-traffiku oħra rriżultaw b’feruti; sebgħa kienu sempliċi jew involvew proprjetà tal-Gvern mentri l-LESA intervjeniet f’37 kollużjonijiet minuri.

Dan iwassal biex it-total ta’ inċidenti tat-traffiku fis-Central Link għall-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena kien ta’ 48, b’medja ta’ 9.6 kull xahar.

Il-Ministru Camilleri kien qiegħed jirrispondi għal interpellanza magħmula mid-deputat tal-PN, Ivan Bartolo.

Sport