Fl-ewwel sena, bil-ftehim kollettiv il-ġdid tal-Protezzjoni Ċivli kull ħaddiem se jieħu mill-inqas żieda ta’ €1,000 fid-dħul bażiku tiegħu. Apparti minn hekk se jkun hemm skala ‘l fuq fil-gradi tal-ħaddiema kollha fejn kull rank se jara żieda fl-iskala tiegħu u dan huwa progressiv. Eventwalment din se tħalli effetti pożittivi fuq il-pensjoni tal-ħaddiema meta jirtiraw bis-servizz.
Hekk qal il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri waqt l-iffirmar ta’ ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. il-Ministru Camilleri qal li jinsab tassew sodisfatt li qed jiġi iffirmat dan l-ewwel ftehim kollettiv fi 22 sena u li minnu se jgawdu 252 pumpier.
Il-Ministru Camilleri qal li grazzi għal dan il-ftehim kollettiv, se jkun hemm titjieb fil-pagi u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema u li fl-aħħar mill-aħħar minnhom se jgawdu l-familji tagħhom. F’kummenti li tana, il-Ministru Camilleri qal, “Bħala gvern ma nħossux li għandna ngħidulhom proset u grazzi meta jidħlu fin-nar għalina jew inkella meta jirriskjaw ħajjithom għalina biss. Jeħtieġ nippremjawhom u nirringrazzjawhom permezz ta’ kundizzjonijiet u drittijiet aħjar.”
Fost benefiċċji oħra, il-Ministru qal li l-ħaddiema se jibdew jaħdmu 40 siegħa u mhux 46 siegħa fil-ġimgħa. Fejn qabel il-paga bażika tagħhom kienet tinħadem fuq 46 siegħa, issa se tinħadem fuq 40 siegħa u dan ifisser li jekk jagħmlu overtime jibda jgħodd wara l-40 siegħa u mhux wara l-46 siegħa.
Apparti minn hekk, il-ħaddiema tal-Forza kollha se jieħdu class allowance. Din il-miżura tfisser €300,000 fis-sena iktar fis-salarji u huma fissi u stabbiliti.
Il-Ministru semma wkoll li se tkun implimentata miżura fejn l-extra duty se tibda titħallas taxxa fuqha ta’ 15%. Dan qed isir biex titneħħa anomalija li kien hemm ma’ forzi dixxiplinati oħra, partikolarment il-pulizija.