Waqt l-EXPO tas-Servizz Pubbliku, il-General Workers’ Union iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), li se jassigura mhux biss kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għal dawn il-ħaddiema imma wkoll il-possibiltà ta’ aktar avvanz fil-karriera tagħhom.
F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qalilna li “dan kien ftehim kollettiv speċjali għalina. Dan huwa l-ewwel wieħed għall-uffiċjali tal-MCESD. Dawn l-uffiċjali huma l-istruttura interna tal-ogħla istituzzjoni ta’ djalogu soċjali. Dawn il-ħaddiema għandhom kompetenza u għarfien kbira f’djalogu soċjali u fil-ħidma tal-imsieħba soċjali.”
Għaldaqstant, tenna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU, kien opportun li dawn il-ħaddiema li huma professjonisti f’dan il-qasam ikollhom kundizzjonijiet xierqa u mill-aqwa u jkunu rikonoxxuti għall-ħidma li jagħmlu f’kull mument biex ikollna djalogu soċjali b’saħħtu u organizzazzjoni perfetta. “Dawn l-uffiċjali jagħmlu differenza u huma l-qalb tal-Kunsill,” temm jgħid is-Sur Bugeja.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Professjonisti, Finanzi u Servizzi Riccarda Darmanin rringrazzjat lill-ħaddiema ta’ din l-entità għall-fiduċja li wrew fil-unjin meta ngħaqdu magħha għall-ewwel darba.
Hija rringrazzjat ukoll lil kull min kien involut fin-negozjati għall-mod professjonali li bih saru d-diskussjonijiet fejn l-għan prinċipali kien is-sigurtà tal-pakkett finanzjarju kif ukoll il-ħolqien ta’ struttura li toffri progress fil-karrieri ta’ dawn il-ħaddiema li għandhom xogħol speċjalizzat.
Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm ukoll il-Prim Ministru Robert Abela, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana u s-Segretarju Permanenti responsabbli mid-Djalogu Soċjali Jonathan Vassallo.