Il-KSU Freshers’ Week ta’ din il-ġimgħa nbidlet fi pjattaforma biex il-kumpaniji l-kbar ibigħu d-ditti tagħhom u joħolqu ambjent iper-konsumista fil-Quad tal-Università. Iddikjaraw dawn studenti Graffitti f’reazzjoni għal dak li seħħ f’dawn l-aħħar jiem li kellhom ikunu l-ewwel ġranet ta’ sena universitarja ġdida.
L-istudenti komplew biex jgħidu li n-nuqqas ta’ investiment fl-organizzazzjonijiet tal-istudenti kien evidenti minħabba l-fatt li l-organizzazzjonijiet tal-istudenti ngħataw biss żewġ tined żgħar ’il bogħod miż-żona prinċipali, u l-faċilitajiet ipprovduti lilhom kienu inferjuri għal dawk mogħtija lill-kumpaniji. Dan wassal biex il-Quadrangle, li hi maħsuba tkun żona ddedikata għall-istudenti, kienet nieqsa minn attività u wirjiet immexxija mill-istudenti.
Flimkien mal-isforzi privati tal-Università ta’ Malta għal residenza tal-istudenti universitarji, jiġifieri Campus Hub, hemm ħafna indikazzjonijiet ċari li l-konsumeriżmu sar jingħata prijorità fuq l-esperjenza akkademika rikka u l-kuxjenza soċjali li istituzzjoni edukattiva għandha twassal.
Rigward il-każ fejn kien hemm kumpanija partikolari li xerrdet €1,000 f’karti tal-€5, il-Graffitti qalet li dan kompla jikkonferma l-problema tal-konsumeriżmu li qed jieħu prijorità fuq is-sena akkademika.
Graffitti għalqu jappellaw li dawn l-ewwel ġranet tas-sena għandhom ikunu mmexxija mill-istudenti għall-istudenti u li ż-żmien biex studenti ġodda jiffamiljarizzaw ruħhom mal-istituzzjoni edukattiva m’għandux jibqa’ forma ta’ suq.
Nitolbu li fis-snin li ġejjin, din il-ġimgħa tkun immexxija mill-istudenti għall-istudenti. Dak li darba kien żmien biex studenti ġodda jiltaqgħu ma’ organizzazzjonijiet u studenti oħra u biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-Università, inbidel f’suq li jdum ġimgħa.
“Din hija sitwazzjoni tal-biki għax l-istudenti, partikolarment dawk li jixtiequ jieħdu sehem fl-affarijiet tal-istudenti, għandhom jingħataw il-prijorità waqt din il-ġimgħa”, temmet tgħid l-istqarrija.