Sunday, December 22, 2024

L-ewwel ġnien carbon neutral fix-Xewkija Għawdex

Aqra wkoll

Ġnien il-Kunsill fix-Xewkija se jkun l-ewwel ġnien carbon neutral f’Għawdex, permezz ta’ proġett li se tkun qed timplimenta Project Green flimkien mal-Kunsill Lokali tax-Xewkija. Il-ġnien se jinkludi wind tree, kinetic flooring u teknoloġiji innovattivi oħra ta’ enerġija rinnovabbli.

Waqt żjara f’dan il-ġnien mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri, is-Sindku tax-Xewkija Hubert Saliba u l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul, ġew spjegati d-dettalji ta’ dan il-proġett hekk kif dan il-ġnien se jkun trasformat fi ġnien ekoloġiku.

Il-pjanijiet li tressqu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar jipproponu r-riġenerazzjoni ta’ dan il-ġnien ta’ madwar 744 metru kwadru biex isir spazju aħdar mill-aktar effiċjenti u awto suffiċjenti. Dan il-ġnien se jinkludi ġibjuni ġodda b’sistemi ta’ tisqija avvanzati li jnaqqsu l-ħela tal-ilma, siġar u arbuxelli ġodda u sistemi ta’ dawl li jaħdmu permezz ta’ pannelli solari.

Project Green flimkien mal-Kunsill Lokali se jintroduċu sistemi oħra ta’ enerġija rinnovabbli, inkluża wind tree li tiġġenera l-elettriku permezz ta’ turbini tar-riħ żgħar, u kinetic flooring – teknoloġija innovattiva li titwaħħal mal-art u li tiġġenera l-elettriku meta dawk li jżuru l-ġnien jgħaddu minn fuqha bil-mixi jew ġiri.

It-tagħmir tal-logħob tat-tfal se jinbidel biex flokhom isiru kinetic jumping pods u spring riders li jiġġeneraw dawl u ħsejjes waqt li t-tfal ikunu qed jilgħabu. Ġnien il-Kunsill se jkun attrezzat ukoll b’logħob ġodda, bħal strutturi li tixxabbat magħhom, żrieżaq u mini li jikkumplimentaw l-ambjent ta’ dan il-ġnien, flimkien ma’ balancing trail magħmula minn plastik riċiklabbli.

Il-ġnien se jkollu wkoll USB charging stations u bankijiet għal dawk li jżuru dan l-ispazju miftuħ biex jaħdmu jew jistudjaw. Project Green qed tipproponi li f’dan is-sit ikun hemm ukoll bankijiet tondi madwar is-siġar eżistenti. L-aġenzija qed tara li ma jkunx hemm passaġġi miksija bil-konkos jew materjal ieħor simili. Minflok, dan il-ġnien se jkollu passaġġi b’materjali permeabbli li jassorbu l-ilma tax-xita.

Ekonomija

Sport