Fi żvilupp storiku li jitfa’ dawl ġdid fuq ir-relazzjoni bejn it-teknoloġija u l-kultura kulinarja, Dubai ħabbar li se jintroduċi l-ewwel kok artifiċjali fid-dinja – Chef Aiman. Dan ir-robot mgħammar bl-aħħar u bl-aqwa teknoloġija li l-AI tista’ toffri, se jaħdem f’ristorant bl-isem ta’ “WOOHOO”. Dan ir-ristorant revoluzzjonarju mistenni jiftaħ f’Settembru li ġej.
Il-proġett, li jinsab fil-qalba ta’ Downtown Dubai, mhux biss jibdel l-Istorja, imma huwa xhieda ta’ kif l-AI tista’ tikkollabora mal-bniedem anke f’oqsma fejn l-intuwizzjoni u l-kreattività kienu tradizzjonalment meqjusa bħala esklussivament umani.
Chef Aiman… Intelliġenza artifiċjali b’sens kreattiv
Chef Aiman huwa sistema bbażata fuq mudell tal-lingwa avvanzat imħarreġ fuq eluf ta’ riċetti, tekniki kulinarji, kif ukoll data molekulari dwar l-ikel. Dan għandu l-kapaċitajiet li janalizza togħmiet bħal fost l-oħraj ħlewwa u aċidità. Din il-kapaċità twasslu biex joħloq riċetti ġodda u oriġinali.
Minkejja li l-proċess tat-tisjir fiżiku għadu f’idejn koki umani, l-AI tipprovdi l-ideat għall-menu, is-sens tas-servizz, u anke l-esperjenza sensorjali ġenerali tal-klijent.
Kċina sostenibbli u tmexxija intelligenti
Chef Aiman huwa rrapportat li ġie wkoll ipprogrammat biex jagħmel użu minn ingredjenti li spiss jintremew bħal fdalijiet tal-ħaxix u qatgħat żejda tal-laħam. Dan il-pass jikkontribwixxi għall-għanijiet ambjentali ta’ Dubai u Chef Aiman jista’ jsir mudell għal ristoranti oħra madwar id-dinja.
Il-kok magħruf Reif Othman se jkun il-persuna responsabbli fit-tmexxija tal-kċina. Imma, b’differenza minn ristoranti tradizzjonali, hawnhekk se jkun qiegħed jaħdem f’koperazzjoni diretta ma’ AI kreattiva.
Era ġdida
Jekk dan il-proġett jirnexxi, jista’ jkun l-ewwel pass lejn kċejjen globali immexxija mill-AI. L-inizjattiva ta’ Dubai tista’ tkun mudell għall-futur fejn ristoranti oħra jimxu fuq l-istess pass u jimplimentaw AI bħal Chef Aiman. Aktar ‘il quddiem din l-innovazzjoni tista’ tkun introdotta fi kċejjen kbar u famużi fosthom f’Londra, Tokyo u New York.
Dan il-proġett jipprovdi wkoll opportunità għall-industrija biex terġa’ tiddefinixxi l-kreattività mhux bħala privileġġ esklussiv tal-bniedem, imma bħala simbjożi bejn moħħ uman u intelliġenza artifiċjali.
Kif qegħdin naraw, deħlin f’era ġdida. Chef Aiman mhuwiex biss kok virtwali imma huwa simbolu ta’ żmien ġdid fil-kċina. Dubai, bil-kuraġġ li tagħmel dan il-pass, reġgħet ippożizzjonat lilha nnifisha bħala ċentru ta’ innovazzjoni globali. Il-mistoqsija hija – il-klijenti se jaċċettaw li l-kċina titmexxa minn moħħ diġitali jew se jibqgħu jippreferu l-kok uman? Iż-żmien biss jista’ jagħtina tweġiba.