L-iskier Maltija Jenny Axisa Eriksen għamelt id-debutt tagħha fl-Olimpjadi tax-Xitwa meta kkompetiet fit-tellieqa Skate tal-10km ġewwa Milano-Cortina illum il-Ħamis.
L-atleta ta’ 20 sena hija l-ewwel cross-skier ta’ Malta li qatt irrappreżentat lil pajjiżna f’dan il-Logħob prestiġjużi. Hija kkompetiet bin-numru 103, u għamlet ħin ta’ 32 minuta u 51 sekonda, u ġiet fil-107 pożizzjoni, għaxar minuti wara r-rebbieħa tal-midalja tad-deheb.
F’kummenti esklussivi ma’ dan is-sit eżattament wara t-tellieqa hija qalet li: “Kont sodisfatta bil-mod kif avviċinajt it-tellieqa u ħassejtni b’saħħti mill-bidu. Il-fażi tal-ftuħ żvolġiet fil-biċċa l-kbira skont il-pjan, b’ritmu kkontrollat. Sfortunatament, matul it-tellieqa bdejt inħossni ma niflaħx, u dan għamilha diffiċli biex inżomm l-attenzjoni u r-ritmu sħiħ. Għalkemm dan kien frustranti, nibqa’ mħeġġa mill-aspetti pożittivi u se nieħu t-tagħlim minn din l-esperjenza ’l quddiem.”

