Wednesday, December 25, 2024

L-ewwel kumpanija bbażata f’Malta rreġistrata fuq in-NASDAQ

Aqra wkoll

TrustStamp, kumpanija f’Tas-Sliema, hija start-up li daħlet f’pajjiżna fil-bidu tal-pandemija u fi żmien sena u nofs irnexxielha titrippja l-ammont ta’ impjegati li jaħdmu magħha f’Malta u anke fuq livell globali.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġew innutati s-suċċessi ta’ din il-kumpanija, fejn mhux biss irnexxielhom jitriplaw l-ħidma tagħhom pero rnexxielhom ukoll ikunu l-ewwel kumpanja minn Malta li rreġistraw fuq NASDAQ.

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli qalet li din il-kisba tagħmilhom lkoll kburin. Qalet li s-suċċess ta’ din il-kumpanija huwa xhieda mhux biss tar-rieda tagħna bħala pajjiż imma wkoll tal-konvinzjoni tagħhom li pajjiżna, minkejja ċ-ċokon tiegħu, jista’ jattira lejh u jinvesti fl-iżvilupp ta’ start-ups innovattivi bħal TrustStamp

Fil-fatt TrustStamp hija kumpanija li nibtet minn idea ta’ tnejn min-nies ġewwa Atlanta. Il-Ministru Dalli qalet li l-ħidma tal-Malta Enterprise kienet kruċjali mhux biss biex tiġi attirata din il-kumpanija lejn pajjiżna, iżda fuq kollox biex din il-kumpanija tiżviluppa, tikber u tilħaq dan is-suċċess.

Il-Ministru Dalli qalet li f’pajjiżna TrustStamp għandha tim żagħżugħ u enerġetiku ta’ 36 persuna li x-xogħol tagħhom huwa ffukat primarjament fuq ‘Research and Development’ fis-settur teknoloġiku u tal-intelliġenza artifiċjali. Waqt iż-żjara, il-Ministru Dalli qalet li ħadet gost bil-karrieri li qed jiġu offruti lill-Maltin f’kumpanija bħal din.

Hija qalet li kien proprju l-impenn tal-Malta Enterprise u l-bżulija ta’ dawn il-ħaddiema li wassal biex illum f’Malta TrustStamp għandha l-akbar bażi madwar id-dinja hekk kif il-kumpanija tħaddem aktar minn 100 persuna fi 11-il pajjiż differenti mifruxa fuq erba’ kontinenti.

Qalet li TrustStamp hija eżempju tal-impenn tagħhom biex jinħolqu u jiżviluppaw niċeċ ekonomiċi ġodda f’setturi moderni li tant huma kruċjali biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tkompli tiddiversifika u tissaħħaħ biex fuq kollox ikomplu jinħolqu opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema.

TrustStamp hija kumpanija stabbilita li topera fl-industrija tal-biometrika u anke l-intellġenza artifiċjali. Il-Ministru Dalli qalet li bħala Gvern iridu li jkomplu jsaħħu dan is-settur mhux biss għax dan huwa indispensabbli biex tiġi ddiversifikata l-ekonomija ta’ pajjiżna, iżda wkoll għax dan is-settur huwa kruċjali biex inkomplu nikkumplimentaw u nimmodernizzaw setturi tradizzjonali kbar bħalma huwa s-settur finanzjarju.

Qalet li s-suċċess ta’ TrustStamp qiegħed fil-ħila li tintuża t-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali biex banek inaqqsu r-riskju ta’ frodi u anke biex inaqqsu l-ħasil ta’ flus.

NASDAQ hija l-akbar stock exchange elettronika fid-dinja li permezz tagħha investituri jkunu jistgħu jinvestu f’aktar minn 3,500 kumpanija li huma fost l-akbar fid-dinja. Biex kumpanija tiġi aċċettata fuq in-NASDAQ irid ikollha kapital ta’ aktar minn $2 miljun, aktar minn 100,000 sehem f’idejn il-pubbliku, u valur ta’ assi ta’ aktar minn $4 miljun, fost oħrajn. Fuq in-NASDAQ jiġu nnegozjati madwar 4 biljun sehem f’dawn il-kumpaniji kuljum, b’valur medju ta’ aktar minn $300 biljun.

Ekonomija

Sport