Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, flimkien mal-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, ħabbru li llum saret l-ewwel laqgħa tat-Taskforce dwar il-futur tal-Port tal-Imġarr, Għawdex bħala parti mill-viżjoni tal-Gvern li jaħseb fil-lum u jinvesti fil-ġejjieni.
Minħabba l-importanza strateġika tal-Port tal-Imġarr, il-fatt li huwa l-uniku punt ta’ aċċess għal Għawdex, u l-impatt dirett tiegħu fuq is-soċjetà u l-ekonomija Għawdxija, ġiet stabbilita Taskforce. Din it-Taskforce se tevalwa l-istat attwali tal-port u tressaq rakkomandazzjonijiet għal operat sostenibbli, reżiljenza fit-tul u soluzzjonijiet strateġiċi possibbli kemm għall-Port tal-Imġarr kif ukoll għall-gżira ta’ Għawdex, sabiex dawn ikunu jistgħu jlaħħqu aħjar maż-żieda fl-attività ekonomika u turistika għas-snin li ġejjin.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr kif matul l-aħħar għaxar snin, it-tkabbir ekonomiku bla preċedent f’Għawdex, flimkien maż-żieda konsistenti fit-turiżmu domestiku u dak inbound, wasslu għal żieda sinifikanti fl-attività fil-Port tal-Imġarr. Huwa kompla jispjega li, “Kulħadd qed jara b’għajnejh in-numri rekord ta’ viżitaturi li qed jesperjenza Għawdex. Dan il-port sar wieħed mill-aktar portijiet marittimi impenjattivi fl-Ewropa f’termini ta’ numru ta’ vapuri u volum ta’ passiġġieri. Din iż-żieda fl-attività qed tpoġġi pressjoni dejjem akbar fuq il-port u fuq l-infrastruttura relatata, b’mod partikolari fuq Triq ix-Xatt, li bħalissa hija l-unika triq li tgħaqqad il-port mal-bqija tal-gżira. Huwa għalhekk li kif wegħedna, ħloqna din it-Taskforce sabiex dan il-Gvern ikompli jikkonsulta, jieħu l-aqwa deċiżjonijiet u finalment jwettaq pjan għall-futur.”
Il-Port tal-Imġarr jgħaqqad lil Għawdex ma’ Malta u jservi bħala hub multimodali ta’ trasport u loġistika. Huwa essenzjali sabiex tkun garantita konnettività bla waqfien, 24 siegħa kuljum, bejn il-gżejjer Maltin permezz ta’ diversi operaturi, fosthom il-Gozo Channel Operations Ltd u l-Gozo Highspeed. Din il-konnettività hija kruċjali għall-ivvjaġġar ta’ kuljum tar-residenti u l-viżitaturi, kif ukoll għall-attività ekonomika, it-turiżmu, it-trasport tal-merkanzija u l-operazzjonijiet ta’ emerġenza.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Chris Bonett qal li fi ftit żmien il-konnessjonijiet lejn Għawdex ser ikunu qed jirduppjaw hekk kif maċ-Ċirkewwa u l-Belt Valletta, ser jiżdiedu Buġibba u Tas-Sliema permezz ta’ rotta ġdida tal-fast ferry. Huwa qal li l-pjan fit-tul għall-konnettività f’Għawdex li ħabbar il-Gvern aktar kmieni dan ix-xahar irid ikun ikkumplimentat bi pjan ieħor li ttejjeb l-infrastruttura ġewwa Għawdex. “B’ekonomija dejjem aktar b’saħħitha u li rat tkabbir konsiderevoli tul dawn l-aħħar snin, qed infasslu pjan biex ikollna infrastruttura li tiflaħ għal dan l-iżvilupp u li toffri l-aħjar konnettività bejn iż-żewġ gżejjer, kemm għall-Għawdxin kif ukoll għall-Maltin,” temm jgħid il-Ministru Bonett.
L-għan ewlieni tat-Taskforce huwa li tfassal pjan strateġiku għall-użu massimu u sostenibbli għall-futur tal-Port tal-Imġarr u possibilment espansjoni tal-faċilitajiet, sabiex dan ikompli jservi bħala hub multimodali ta’ trasport u loġistika li jkun effiċjenti, reżiljenti u sostenibbli. Dan il-proċess se jsir permezz ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet responsabbli u trasparenti, b’involviment attiv tal-komunità Għawdxija u tal-partijiet interessati kollha.
It-Taskforce għandha fost oħrajn, tagħmel valutazzjoni tal-impatt tal-port fuq is-soċjetà u l-ekonomija ta’ Għawdex, esplorazzjoni ta’ konnessjonijiet alternattivi tat-toroq bejn il-Port tal-Imġarr u n-netwerk arterjali tal-gżira, u analiżi tal-impatti soċjoekonomiċi u ambjentali ta’ dawn l-għażliet. Se jiġu żviluppati wkoll rakkomandazzjonijiet prattiċi għall-operat sostenibbli u r-reżiljenza fit-tul tal-port u tal-infrastruttura relatata, filwaqt li jiġu esplorati soluzzjonijiet strateġiċi biex Għawdex ikun jista’ jindirizza aħjar id-domanda dejjem tikber.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jippjana b’mod strateġiku u responsabbli għall-futur ta’ Għawdex, billi jiġi żgurat li l-Port tal-Imġarr jibqa’ jservi b’mod effiċjenti lill-komunità, lill-ekonomija u lill-viżitaturi, filwaqt li jitħarsu l-ambjent u l-identità unika tal-gżira.
It-Taskforce se tkun preseduta mill-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex (GRDA) u se tinkludi rappreżentanti mill-Gozo Business Chamber, il-Gozo Tourism Association, Transport Malta (id-Direttorat tal-Portijiet u l-Yachting u d-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art), Infrastructure Malta, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), Gozo Channel (Operations) Ltd, l-Awtorità tal-Ippjanar, kif ukoll il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem.

