Saturday, November 16, 2024

L-ewwel pass lejn waterpolo pitch tal-għola livell għal San Ġiljan ASC

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-klabb ta’ San Ġiljan ASC, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima ħabbar li għadu kif tlesta l-istudju tal-penetrazzjoni tal-mewġ li huwa meħtieġ li jitwettaq biex jiġi vvalutat l-impatt tat-temp estrem fuq l-iżvilupp propost. Studju bħal dan iqis anke mewġa skerzata kull mitt sena.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, filwaqt li feraħ lit-tim ta’ San Ġiljan għas-suċċessi li kisbu matul din is-sena fil-kampjonat tal-waterpolo, qal li permezz ta’ dan il-proġett il-pajjiż qed ikompli jinvesti fil-komunità Ġiljaniża billi jiżgura faċilitajiet għat-tfal u ż-żgħażagħ tal-lokalità. Huwa qal li l-gvern għandu viżjoni għall-waterpolo u jrid li f’dan l-isport inkomplu niksbu aktar riżultati tajbin u ngħollu l-livell. 

Is-Segretarju Parlamentari kompla jispjega li l-proġett se jkun ta’ livell internazzjonal, fejn jista’ jintlagħab logħob tal-waterpolo kif ukoll taħriġ tal-għawm. Din hi turija ċara li l-gvern hu impenjat li jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura sportiva biex ikompli jgħolli u jilħaq livelli ta’ suċċess fl-isport f’pajjiżna.

Il-President ta’ San Ġiljan ASC Peter Bonavia spjega kif dan l-istudju huwa neċessarju għall-applikazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, li qed titlob valutazzjoni tal-proġett fuq l-impatt tal-kurrent tal-baħar u wkoll ta’ qiegħ il-baħar. Huwa spjega li sal-lum intbagħtu r-rapporti u l-pjanijiet kollha kif mitlub mill-applikazzjoni. Il-kumitat ta’ San Ġiljan lura f’Mejju 2019 issottometta applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar.

Għal dan l-istudju, il-kumitat b’kollaborazzjoni mal-Perit tal-Proġett ingaġġa s-servizzi ta’ kumpanija bbażata fl-Olanda. L-ewwel iterazzjoni tal-istudji tlestew xi ġimgħat ilu, u kif mistenni, kienu meħtieġa xi modifiki fid-disinn biex jikkontrollaw ir-riflessjoni tal-mewġ waqt maltempata u biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq il-Bajja.

Barra minn hekk, il-proġett ladarba jitlesta se jipproteġi minn mewġ għoli l-entratura ewlenija tal-bajja tal-Balluta u jevita l-erożjoni tal-bajja bir-ramel matul ix-Xitwa. L-istudji dwar il-kurrenti fil-bajja indikaw ukoll li l-proġett se jkollu impatt ġenerali pożittiv fuq l-ambjent kollu.

Apparti dan, San Ġiljan ASC huma r-rebbieħa tal-Premier League tal-irġiel u tan-nisa, u kif ukoll in-Knock Out.

Ekonomija

Sport